Lokali

‘Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati mill-Pulizija fl-interess pubbliku’

Il-klikka ta' Kastilja: Joseph Muscat (fin-nofs), Keith Schembri (xellug), Konrad Mizzi (lemin)
L-editorjal ta' The Times jgħid li l-Korp tal-Pulizija għadu qed jibqa' ċass quddiem dan l-iskandlu

‘Fl-interess pubbliku, Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati. Imma dan aktarx ma jsirx, għax il-kontabbiltà u l-governanza tneżżgħu minn kull valur’.

Dikjarazzjoni mill-editorjal tal-gazzetta Times of Malta, li tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, li skont The Times, sal-lum għadha m’hi qed tara xejn ħażin fl-iskandlu tal-Panama, tant li baqgħet ċassa u m’għamlet xejn.

L-editorjal ta’ The Times qal li m’hemm xejn fil-liġi li jżomm lill-Pulizija milli jagħtu informazzjoni dwar investigazzjoni li tkun qed issir. Filfatt, il-Pulizija kemm-il darba għamlu ‘crime conferences’ biex jagħtu dettalji dwar investigazzjonijiet kriminali. Fl-2014, il-Pulizija kienet ikkonfermat ukoll ma’ The Times li kien hemm ħaddiema tal-Enemalta li qed jiġu investigati, u f’Novembru li għadda, il-Pulizija wkoll ma ddeqjtix titkellem dwar investigazzjonijiet dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.

Imma min-naħa l-oħra, dwar il-każ ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri: skiet assolut. Bil-gazzetta The Times tgħid li anke jekk il-liġi żżomm lill-Pulizija milli jitkellmu, li ma żżomx, xorta waħda, l-interess pubbliku jitlob li l-Gvern jiddikjara pubblikament li l-Korp tal-Pulizija qed jinvestigaw dak li ħareġ mill-Panama Papers.

The Times fakkret li l-Korp tal-Pulizija, f’Marzu tal-2016, kienet qalet li ma kien hemm ebda suspett dwar attività kriminali. Madanakollu, l-editorjal ifakkar ukoll li dan kien intqal qabel ma ħarġu l-Panama Papers infushom li kixfu l-intriċċi kollha tal-iskandlu tal-Panama, li fih hemm involuti Konrad Mizzi u Keith Schembri.