Lokali

L-MUBE tappella biex il-membri tagħha jkunu rispettati

Il-Union trid li jkun rispettat il-ftehim milħuq

Il-Union tal-bankiera, l-MUBE, tinsab diżappuntata wara d-deċiżjoni tal-Bank Of Valletta, l-BOV, li titlob għal medjazzjoni maż-żewġ unions wara li l-MUBE għal aktar minn darba kienet fakkret lill-bank dwar rapporti li saru mill-membri tagħha u dwar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat. L-MUBE appellat biex il-bank jirrispetta l-ftehim li kien intlaħaq u jibda’ jattwah mingħar aktar dewmien.

Il-Union tal-bankiera qalet dan fi stqarrija li fiha semmiet wkoll li minn naħa tagħha qed timxi ma dak li diġa’ hemm qbil fuqu mar-rappreżentant legali tal-bank. Il-qbil kien li l-MUBE u l-BOV jiffurmaw żewġ bordijiet fejn il-ħaddiema jwasslu r-rapporti tagħhom. Skont l-istqarrija l-management tar-Riżorsi Umani tal-bank ikkometta ruħu li jibda jisma’ l-każijiet individwali ta’ ħaddiema li għadhom qatt ma nstemgħu.

Iżda jirriżulta li s’issa ma nstema’ l-ebda wieħed. Fl-istqarrija jkompli jingħad li mhux tort tal-MUBE li s-sitwazzjoni saret ikkumplikata wara ittra mill-General Worker’s Union li kkontestat l-mod li bih kien qed jimxi l-management mal-MUBE

Jirriżulta li minflok qed jindirizza l-kwistjonijiet li qed tqajjem l-MUBE, biex jiddefendi dak li qalet il-GWU fl-ittra, l-management għażel li jitlob għal medjazzjoni bejn iż-żewġ Unions.

Hawn l-MUBE qalet li f’isem il-membri tagħha mhix se titollera aktar dewmien meta kien diġa’ ntlaħaq ftehim bejnhom u bejn il-management tal-BOV. L-MUBE appellat biex il-bank jirrispetta l-ftehim li kien intlaħaq u jibda’ jattwah mingħar aktar dewmien. Jekk ma jkunx qed isir hekk ikun ifisser nuqqas ta’ rispett lejn il-membri tal-Union li huma ħaddiema tal-BOV, t-temm tgħid l-istqarrija.

Tags