Fil-Qorti dalgħodu nstema każ dwar allegazzjoni ta’ theddid u ksur ta’ ligi fil-konfront tal-ħarsien tal-annimali. Il-każ jitratta żewġ rapporti ta’ Carmelo Galea. L-ewwel rapport fid-19 ta’ Ottubru li għadda, Carmelo Galea rraporta mal-Pulizija, li waqt li kien qed jitma l-qtates tat-triq fi Triq Pawlu Micallef fil-Fgura, kellu argument ma’ Emanuel Jesmond Mangion residenti fl-istess triq. Ma’ Netnews.com.mt Carmelo qal li Emanuel allega li Carmelo ma jnaddafx warajh meta jitma lill-qtates tat-triq. Madanakollu Carmelo ċaħad dan. Filfatt, Carmelo għaddielna wkoll kopja tal-permess li ngħata mill-Animal Welfare Malta li jiżgura li dak li jagħmel hu, hu konformi mal-liġi. Filfatt, dan il-permess, validu sa’ Novembru li ġej, ikun mwaħħal fuq is-sit fejn jitma l-qtates.
Wara dakinhar, Carmelo jgħid li ċaqlaq l-affarijiet li juża biex jitma l-qtates għall-post ieħor. Madanakollu fit-tieni rapport tiegħu, nhar l-10 ta’ Novembru 2016, hu allega li Emanuel Jesmond nieżel għalih mill-vann tiegħu, u wara li mbuttah, rema’ fl-għalqa ta’ wara l-affarijiet li fihom ikun hemm l-ikel tal-qtates. Carmelo argumenta li apparti li hedded lilu, hu kien qed jikser il-liġi għax kien qed ineħħi l-ikel u x-xorb tal-qtates li huma drittijiet tagħhom protetti bil-liġi Maltija (Artikolu 8 (4) f’Taqsima IV f’Kapitlu 439 tal-Liġi ta’ Malta).
Kien propju fatti ta’ dan ir-rapport li ddeterminaw lill-akkużat biex ikun liberat. Filfatt, ma’ Netnews.com.mt, Carmelo stqarr li waqt li hu kien qed jagħti l-verżjoni tiegħu dwar dak li ġara f’Novembru li għadda, għall-mument qal “ħdax ta’ Novembru” minflok l-għaxra ta’ Novembru. Ma’ dan is-sit hu qal li dan ġara sforz l-eċitament li kien fih peress li qatt ma kellu każ il-Qorti. Madanakollu hu qal li nduna li ħa żball mill-ewwel u kkoreġi lilu nnifsu. Jidher iżda li l-Maġistrat Aaron Bugeja ma aċċettax dan u llibera lill-akkużat minħabba l-iżball fid-data li ħa Carmelo.
Apparti minn hekk, Carmelo qal ukoll li waqt il-kawża intalab jitkellem Noel Montebello, id-Direttur tal-Animal Welfare Malta. Madanakollu dan ma kienx preżenti. Preżenti iżda kien hemm Mikel St John mill-Animal Protectors Malta li wera x-xewqa li jsemma l-vuċi tal-annimali iżda ġie miċħud mill-Qorti.
AĠĠORNAMENT: Kelliem għad-Direttur tal-Animal Welfare kkjarifika ma’ NETnews.com.mt li d-Direttur ma rċieva l-ebda talba uffiċjali biex jidher quddiem il-Qorti.
//= $special ?>