Futbol Lokali

AĠĠORNATA: Logħba futbol fil-Mosta tispiċċa bil-banda!

Mill-arkivji: Charles Abela Stadium, Mosta
Plejer tal-futbol tal-minors bi ġrieħi serji wara li qala' daqqiet ta' ponn

Il-Pulizija kienet imsejjħa fil-ground tal-Mosta ilbieraħ filgħaxija wara argument jaħraq li nqala’ bejn numru ta’ plejers żgħażagħ. Il-każ seħħ ftit wara d-9:30pm meta qam argument bejn żewġ players avversarji bil-konsegwenza li s-sitwazzjoni eskalat u spiċċat bil-banda. Fil-ġlieda kienu involuti għadd ta’ players oħra.

Il-partita kienet waħda valida mill-kampjonat tal-Minors, bejn Swieqi United u Gżira United minn Sezzjoni D.

Skont stqarrija tal-Pulizija wieħed mill-players – żagħżugħ ta’ 20 sena, residenti s-Swieqi allegatament qala’ xi daqqiet ta’ ponn mingħand żagħżugħ ieħor li wkoll għandu 20 sena u joqgħod Tas-Sliema.

Iż-żagħżugħ residenti s-Swieqi irrikorra fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Irriżulta wkoll li żewġ players oħra li għandhom 18 u 19-il sena, residenti Birkirkara u n-Naxxar rispettivament, ukoll sfaw feruti waqt din il-ġlieda u ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.