Minn ċifri maħruġa mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija li tiġġedded jirriżulta li Malta flimkien mal-Lussemburgu tinsab fl-aħħar post fis-sehem tas-sorsi tal-enerġija li tiġġedded.
Minn din l-istatistika jirriżulta li Malta u l-Lussemburgu jinsabu fl-aħħar post fil-proporzjon tal-enerġija li tiġġedded b’5 fil-mija tal-konsum kollu tal-enerġija għas-sena 2015.
B’kollox matul dik is-sena is-sehem tas-sorsi tal-enerġija li tiġġedded fil-konsum gross finali tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea kollha laħqet is-16.7 fil-mija li jfisser kważi d-doppju fuq li kien fis-sena 2004 meta l-ammont kien jilħaq it-8.5 fil-mija.
Fl-istrateġija Ewropea 2020 dwar l-enerġija li tiġġedded, il-mira hi li s-sehem tal-enerġija li tiġġedded fil-konsum finali fil-pajjiżi tal-UE hi medja ta’ 20 fil-mija u l-mira sas-sena 2030 hi ta’ 27 fil-mija.
L-istatistika tal-Eurostat turi li l-Iżvezja kellha l-akbar ammont ta’ enerġija li tiġġedded fil-konsum finali tal-enerġija bi kważi 54 fil-mija u wara hemm il-Fillandja b’39 fil-mija, il-Latvja bi 38 fil-mija, l-Awstrija bi 33 fil-mija u d-Danimarka b’31 fil-mija.
L-Istatistika tal-Eurostat turi li fin-naħa t’isfel hemm Malta u l-Lussemburgu b’5 fil-mija, l-Olanda f’6 fil-mija, il-Belġju bi 8 fil-mija u r-Renju Unit bi 8.2 fil-mija.
F’dik li hi mira sas-sena 2020, il-Lussemburgu mistenni jitla għal 11 fil-mija filwaqt li Malta mistennija titla’ għal 10 fil-mija, jiġifieri tibqa’ fl-aħħar post waħedha għax tinqabeż mill-Lussemburgu.
//= $special ?>