BLOGS

L-IĠM – 27 sena ta’ ħidma u kisbiet għall-ġurnalisti Maltin

Mario Schiavone

Seba’ u Għoxrin sena ilu, imprenditur Malti kellu ħolma. Is-Sur Joe Brockdorf (Alla jagħtih il-glorja tal-ġenna) sid tal-kumpanija BPC International – waħda mill-akbar kumpaniji lokali fil-qasam tar-reklamar – sejjaħ numru ta’ ġurnalisti u offrielhom l-għajnuna tiegħu biex iwaqqfu għaqda tal-ġurnalisti. Minn hemm beda il-Malta Press Club. Qabel kienu saru numru ta’ tentattivi biex titwaqqaf assoċjazzjoni simili iżda kollha fallew.

Inħossni kburi nistqarr li jien kont wieħed mill-membri fundaturi tal-Malta Press Club li llum sar l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u li għadni sal-lum – l-uniku wieħed – li għadni nservi fil-Kunsill ta’ dan l-Istitut sal-lum.

Minkejja li kultant l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikun ikkritikat, ħafna drabi minn ġurnalisti stess,  il-kisbiet li ġieb għall-ġurnalisti tagħna tul dawn is-snin u l-ħidma li kien involut fiha huma impressjonanti u għandhom jiġu mfakkra.

Se nsemmi wħud minn dawn il-kisbiet li niftakar mill-memorja u mhux neċessarjament f’ordni kronoloġika ta’ kien seħħew:

● Waqqaf il-Malta Journalism Awards li hu l-uniku rikonoxximent għax-xogħol professjonali tal-ġurnalisti Maltin;

● Introduċa l-Gold Award li tirrikonoxxi kontributi eċċezzjonali fil-qasam tal-ġurnaliżmu;

● Fassal Kodiċi ta’ Etika Ġurnalistika u waqqaf Kummissjoni Etika li hi għalkollox indipendenti minnu;

● Kien strumentali – flimkien mal-familja Fenech – fit-twaqqif tal-Fundazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu li għadha sal-lum torganizza korsijiet, seminars u konferenzi dwar il-ġurnaliżmu;

● Imbotta bis-sħiħ biex fis-snin 90 saru emendi fil-Liġi tal-Istampa li permezz tagħhom il-ġurnalisti kisbu żewġ drittijiet importanti:  il-kunfidenzjalità tas-sorsi, li tfisser li ebda ġurnalist ma jista’ jkun obbligat, anqas mill-Qorti, biex jisvela s-sors tal-informazzjoni li fuqha jkunu ibbaża xi storja li jkun kiteb; u t-tieni d-dritt tar-rappurtar privileġġjat li tfisser li ġurnalisti ma jistax jiġi mfittex fil-Qorti dwar rapport ta’ xi diskors li jkun sar minn xi persuna pubblika jekk ir-rapport ikun fidil għal dak li jkun intqal mill-kelliem in kwistjoni;

● Kien inkarigat mill-Iskola tal-Ġurnaliżmu ta’ Maastricht biex organizza f’Malta tliet korsijiet għal numru ta’ ġurnalisti minn diversi pajjiżi Ewropej;

● Għalkemm ma hux trejd union indaħal f’numru ta’ każi biex irranġa kwistjonijiet bejn ġurnalisti individwali u min iħaddimhom;

●Kiseb ir-rikonoxximent biex jirrappreżenta lill-ġurnalisti Maltin fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti;

● Flimkien mal-Fondazzjoni Tumas Fenech kien strumentali biex beda Kors ta’ Baċellerat fil-Ġurnaliżmu fl-MCAST billi s’issa fil-pajjiż ma kienx hawn taħriġ professjonali għall-ġurnalisti;

● Organizza Konferenza Nazzjonali bis-sehem ta’ rappreżentanti tal-media houses kollha, biex ikun aġġornat il-Kodiċi ta’ Etika;

● Matul is-snin, kellu laqgħat ma’ diversi Prim Ministri, Ministri u uffiċjali governattivi biex iġib ’il quddiem l-interessi tal-ġurnalisti;

● Ilu għal xhur sħaħ jinsisti mal-awtoritajiet konċernati biex jitneħħa l-libell kriminali u biex tkun introdotta l-medjazzjoni fil-kawżi ta’ libell;

● Wara li tħabbar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Media u d-Defamazzjoni, organizza diversi laqgħat mal-ġurnalisti, ma’ membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni biex ikun f’pożizzjoni li jressaq suġġerimenti għal tibdil fl-imsemmi abbozz;

● Ressaq numru ta’ suġġerimenti għal emendi għall-imsemmi abbozz ta’ liġi fosthom li jitneħħa l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għal siti elettroniċi tal-aħbarijiet, li l-kunfidenzjalità tas-sorsi tkun tapplika ghal kulħadd u mhux biss għal min jirreġistra; li l-multa sa Ewro 20,000 għandha titnaqqas; li l-akkreditazzjoni tal-ġurnalisti ma għandhiex tibqa’ ssir mill-Gvern u suġġerimenti oħra.

● Organizza laqgħa għall-ġurnalisti mal-Ministri Bartolo u Bonnici li fiha tħabbar li numru ta’ talbiet li għamel l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għal dan l-abbozz ta’ liġi li tant ġieb kontroversja kien se jintlaqgħu u l-Gvern se jressaq emendi għall-abbozz preżentant minnu stess.

Permezz ta’ dawn l-emendi r-reġistrazzjoni tas-siti elettroniċi mhux se tkun meħtieġa; il-midja tradizzjonali mhux se tkun obbligata tirreġistra mal-Gvern u din issir biss volontarjament; li l-protezzjoni tas-sorsi se tkun estiża għal kulmin hu attiv fil-ħidma ġurnalistika; li r-reġistratur tal-midja ikun indipendenti mill-Gvern; fejn jidħlu multi u danni il-Qorti għandha tara l-impatt li dawn il-ħlasijiet ikollhom fuq il-ġurnalist jew l-organizzazzjoni li jaħdem għaliha; fejn il-liġi tagħti diskrezzjoni lill-Ministru din se tkun suġġetta għal konsultazzjoni mal-partijiet konċernati u għall-iskrutinju tal-Parlament.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għandu raġun iħossu kburi b’dawn il-kisbiet li rnexxielu jagħmel għall-professjoni ġurnalistika f’Malta u għall-ħarsien u tisħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-kelma u tal-libertà tal-istampa.