Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Pietro Ghedin sejjaħ skwadra ta’ 23 plejer għal partita tal-Ħadd 26 ta’ Marzu kontra s-Slovakkja, valida minn Grupp F tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.
L-iskwadra ta’ Ghedin għandha bidliet sinifikanti mit-telfiet kontra s-Slovenja u l-Iżlanda f’partita ta’ ħbiberija.
“Nemmen li għażilt lill-plejers li huma fl-aħjar forma. L-objettiv hu li nitjiebu l-ħin kollu. Il-plejers li jasipraw li jilagħbu għal pajjiżhom, iridu jagħtu aktar, speċjalment meta jilagħbu mal-klabbs tagħhom. L-iskwadra tirrapreżenta l-għażla teknika tiegħi wara li rajt il-forma tal-plejers fil-partiti tal-kampjonat BOV Premier u l-FA Trophy fl-aħħar xhur,” qal Ghedin lis-sit uffiċjali tal-MFA.
Jispikka r-ritorn tal-midfielder ta’ Balzan Ryan Fenech li wara nuqqas ta’ sentejn minħabba injury, reġa’ ġie msejjaħ fl-iskwadra. Hemm ukoll ritorn għal diversi plejers li fl-aħħar partiti ma kinux fl-iskwadra, fosthom id-difensur Jacob Borg li ġie mgħajjat wara li lagħab parti importanti fl-aħħar riżultati pożittivi ta’ Gżira. Id-difensur Clifford Gatt Baldacchino, li jilgħab ukoll ma’ Gżira, reġa’ ġie msejjaħ ukoll.
Msejħa fl-iskwadra hemm ukoll Ryan Camenzuli ta’ Floriana, Luke Montebello ta’ Valletta u Samir Arab ta’ Balzan, tliet plejers li kienu importanti fl-iskwadra ta’ taħt il-21 sena li kisbu 11-il punt fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni ta’ taħt il-21 sena.
Jurgen Pisani ġie msejjaħ fl-iskwadra proviżorja, u flimkien ma’ Samir Arab, huma l-uniċi żewġ plejers li għadhom qatt ma lagħbu mat-tim nazzjonali tal-kbar.
“Dawk il-plejers li fallew milli jkunu nklużi fl-iskwara, jistgħu jerġgħu jidħlu fit-tim għal partiti fil-futur, kollox jiddependi minnhom. Qed insegwu wkoll it-tim ta’ taħt il-21 sena li qegħdin viċin li jkunu mat-tim tal-kbar, iżda d-deċiżjoni tagħna kienet li nħalluhom mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena għal partita ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu, u l-partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Belġju, biex jiksbu aktar esperjenza internazzjonali,” kompla Ghedin.
Rowen Muscat jinsab fil-lista inizjali, iżda Ghedin hu mistenni li jagħmel id-deċiżjoni fuq il-midfielder ta’ Valletta wara l-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa, hekk kif il-plejer ta’ 25 sena għadu qed jirkupra minn injury żgħira.
Il-captain tat-tim nazzjonali Michael Mifsud, li għamel rekord wara li lagħab il-123 logħba mat-tim nazzjonali fit-telfa ta’ 2-0 kontra l-Iżlanda, intgħażel ukoll wara li aktar kmieni dan ix-xahar irritorna għal-logħob ma’ Valletta wara aktar minn xahrejn barra minħabba uġigħ fid-dahar. Fost l-iskwadra, hemm id-duo ta’ Sliema Wanderers Mark Scerri u Jean Paul Farrugia.
Erba’ mil-lista ta’ 23 plejer li ntgħażlu jilagħbu barra minn Malta. Andrè Schembri jilgħab fil-kampjonat Portugiż ma’ Boavista, Luke Gambin li qed jilgħab mat-tim Ingliż tal-League 2 Luton Town, Sam Magri ta’ Dover Athletic u Zach Muscat li jilgħab fil-Lega Pro Taljana ma’ Arezzo.
L-Iskwadra proviżorja
Gowlkipers: Andrew Hogg (Hibernians); Henry Bonello (Birkirkara).
Difensuri: Jacob Borg (Gżira United), Clifford Gatt Baldacchino (Gżira United), Zach Muscat (Arezzo), Sam Magri (Dover Athletic), Jurgen Pisani (Floriana), Ryan Camenzuli (Floriana), Ryan Camilleri (Valletta), Samir Arab (Balzan), Joseph Zerafa (Birkirkara)
Midfielders: Gareth Sciberras (Birkirkara), Rowen Muscat (Valletta), Bjorn Kristensen (Hibernians), Steve Pisani (Floriana), Luke Gambin (Luton Town), Paul Fenech (Balzan), Ryan Fenech (Balzan), Mark Scerri (Sliema Wanderers)
Attakkanti: Michael Mifsud (Valletta), Andrè Schembri (Boavista), Jean Paul Farrugia (Sliema Wanderers), Luke Montebello (Valletta)
//= $special ?>