Internazzjonali

Qed jgħidu li ‘ħatfu portijiet taż-żejt’ fil-Libja

Truppi u entitajiet armati li huma leali għall-Ġeneral Libjan, Khalifa Haftar, sigħat ilu bdew jassedjaw zona, fil-Lvant tal-Libja, fejn hemm tnejn mill-aktar terminals taż-żejt importanti għall-pajjiż.

Il-Ġeneral Haftar hu alleat tal-amministrazzjoni Libjana bbażata f’ Tobruk u li qed tisfida lill-awtorità tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali li għandha l-bażi fi Tripli u li qed tgawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Sadanittant, il-qawwiet ta’ Haftar qed jgħidu li ħadu lura ‘siti taż-żejt’ importanti waqt il-ġlieda għall-kontroll taz-zoni ta’ Ras Lanuf, Sidra u Ben Jawad, li jiem ilu kienu waqgħu f’idejn il-milizzji ta’ grupp Iżlamiku rivali. Rapporti, aktar kmieni fix-xahar, qalu li t-terminals kienu nħatfu mill-Brigati għad-Difiża ta’ Benghazi ( b’rabtiet mal-moviment Al-Qaeda), b’dawn, imbagħad, jgħaddu t-terminals  lill-membri ta’ Gwardja għall-Faċilitajiet tal-Petroleum affiljata mal-Gvern fi Tripli.

Fl-istess ħin, ir-Russja ċaħdet rapporti li hi stazzjonat il-qawwiet speċjali tagħha fir-reġjun b’appoġġ għal Haftar. Dan waqt li l-kelliema għal Haftar qalu li qawwiet tal-art, appoġġjati minn qawwiet tal-ajru u tal-baħar ħadu sehem f’offensiva konġunta biex ‘jilliberaw it-terminal ta’ Ras Lanuf minn idejn terroristi’.

Il-Libja għaddiet minn xhur ta’ vjolenza u anarkija mindu l-koalizzjoni militari appoġġjata min-NATO, fl-2011, qaċċtet ir-reġim tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi.

Dan waqt li ż-żewġ Parlamenti rivali tal-Libja ilhom ix-xhur jinsistu b’atteġġjament ostili għal xulxin, b’diversi gruppi ta’ milizzji qegħdin jiġġieldu għall-kontroll tat-territorji Libjani u, b’mod partikulari, ‘għal biċċa akbar’ mill-ġid iġġenerat miż-żejt li jipproduċi l-pajjiż.