Il-Ministeru Tork għall-Affarijiet Barranin ċaħad is-sejħa mingħand l-Uffiċjali ewlenin tal-Unjoni Ewropea biex il-Gvern ta’ Ankara ‘jeżerċita l-kontroll’ fit-tilwima diplomatika taħraq li żbruffat jiem ilu bejnu u l-Olanda.
It-tilwima hi dovuta għall-azzjoni tal-Olanda biex tipprojbixxi lill-Ministri Torok milli jmexxu kampanja għal referendum (f’pajjiżhom) fost il-komunitajiet tat-Torok residenti f’territorju Olandiż. Ir-referendum inkwistjoni, li għandu bażi kontroversjali għall-aħħar, hu intiż biex ‘jistimola’ il-poteri tal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan.
Intant, il-Gvern Tork fisser l-appelli ‘għall-kontroll’ mingħand il-Kap tal-Politika Barranija tal-UE, Federica Mogherhini u l-Kummissarju għat-Tkabbir tal-UE, Johannes Hahn, bħala ‘mingħajr valur’. Dan waqt li t-Turkija ipprojbiet lill-Ambaxxatur Olandiż milli jirritorna f’Ankara, minbarra li sospendiet it-taħditiet politiċi fuq livell għoli ma’ Amsterdam.
Il-Gvern Olandiż qal li hu ddeċieda li ‘jimblokka’ r-rallies favur Erdogan fl-Olanda minħabba s-sogru għas-sigurtà u l-ordni pubblika. Fl-istess ħin, it-Turkija qed tqis ‘id-deċiżjoni tal-UE biex tappoġġja lill-Olanda fil-kwistjoni bħala xi ħaġa gravi’. Dan waqt li l-UE qed tħeġġeġ biex it-Turkija żżomm lura minn kliem u azzjonijiet ‘eċċessivi’ li jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni.
Il-poplu tal-Olanda, għada, jivvutaw f’elezzjoni ġenerali ddominata bi tħassib dwar l-immigrazzjoni u r-radikaliżmu Iżlamiku.
Intant, il-President Tork Erdogan, issa qed iwissi dwar ‘miżuri oħrajn speċifiċi’ li pajjiżu jista’ jieħu kontra l-Olanda. Mhux eskluż, fis-sitwazzjoni, li t-Turkija tikkunsidra mill-ġdid ‘parti mill-ftehim tagħha mal-UE’ għat-trażżin tal-mewġa ta’ immigranti mingħajr dokumentazzjoni lejn l-Ewropa.
Fil-preżent, mal-5.5 miljun Torok qed jgħixu barra pajjiżhom, fosthom 400,000 li huma residenti fl-Olanda.
//= $special ?>