Wara li l-Gvern falla fin-negozjati mal-Alitalia, kollox jindika li l-proċess qed jerġa’ jibda mill-bidu hekk kif il-Gvern għadu bogħod ħafna minn għażla u deċiżjoni dwar sieħeb strateġiku.
F’artiklu ppubblikat mill-gazzetta The Malta Independent intqal li s’issa għad ma ġiex magħżul sieħeb strateġiku għal-linja nazzjonali tal-ajru, tant li l-Gvern għadu qed iħares lejn varjetà wiegħsa ta’ possibilitajiet. Xi ħaġa li dwarha ammetta l-Ministru responsabbli mill-Air Malta Edward Zammit Lewis mal-istess gazzetta.
Imma Zammit Lewis qed jiġġustifika dan id-dewmien billi jgħid li hu l-obbligu tal-Gvern li jara l-possibilitajiet, u b’hekk jitwal iż-żmien għal soluzzjoni għall-Air Malta.
Dan minkejja li jkun min ikun is-sieħeb strateġiku ġdid, l-Air Malta se jkollha tkeċċi l-ħaddiema, kif ikkonfermat mill-Ministru Zammit Lewis stess f’kummenti ma’ gazzetta ewlenija nhar il-Ħadd li għadda.
Fl-istess artiklu ma’ The Malta Independent, il-Ministru Zammit Lewis ikkonferma li se jitkeċċew il-ħaddiema mill-Air Malta, bil-Ministru jżid li dan se jsir b’mod li tkun rispettata d-dinjità tal-ħaddiema.
Fil-kummenti tiegħu ma’ The Malta Independent, Zammit Lewis qal li għalissa ma jistax jgħid min huma l-investituri li huma interessati jinvestu fil-linja tal-ajru Maltija.
Il-proċess ta’ għażla ta’ investitur qed issir wara li l-Gvern kien falla fin-negozjati mal-Alitalia, anke jekk il-Gvern kien ilu xhur jinnegozja mal-Alitalia tant li saħansitra kien iffirma ‘memorandum of understanding’ mal-linja tal-ajru Taljana.
L-Alitalia qed tagħmel telf kbir ukoll imma dan ma kienx waqqaf lill-Gvern milli jdum xhur sħaħ jitkellem ma’ din il-kumpanija, diskussjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar ma ħallewx frott u li wasslu biex il-Gvern kellu jerġa’ jibda mill-bidu.
//= $special ?>