Għawdex

“Bżonn li jsir studju biex tkun preservata t-Tieqa”

Ritratt: Facebook
Il-Kunsill tal-Għarb jitkellem dwar il-bżonn li ma jitħallewx vetturi jidħlu fuq it-Tieqa

Il-Kunsill Lokali tal-Għarb qed jitlob li jittieħdu l-miżuri legali neċessarji biex it-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ tkun protetta, mingħajr ma jiġu ostakolati attivitajiet li jsiru fl-inħawi. Dan qed isir minħabba li fl-aħħar ġimgħa kien innutat żieda qawwija ferm fil-viżitaturi fiz-zona.

Fi stqarrija ntqal illi l-Kunsill Lokali għandu jiġi konsultat f’dan ir-rigward għaliex Il-Kunsill huwa stakehololder mill-iktar importanti.

Il-Kunsill iddiskuta din il-materja waqt laqgħa b’urġenza li nżammet il-bierah u huwa tal-parir li:

(i) Isir studju estensiv sabiex ikun maghruf l-istat u x’mizuri iridu jittiehdu jekk dan jinhass necessarju sabiex tkun protetta u preservata t-tieqa

(ii) Isir analizi u mmanigjar tat-traffiku

(iii)Issir sorveljanza mill-pulizija u l-awtoritajiet sabiex ma jsirx abbuz/i ta’ attivitajiet li jaghmlu l-hsara u ddegradaw l-ambjent tal-madwar

(iv) Jittiehdu mizuri sabiex ikun maghruf il-periklu u jsiru tabelli ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward

(v) Ikunu mehuda dawk il-mizuri sabiex ma ssirx ebda’ attivita’ u ma jithallewx nies jew vetturi li jissoktaw fuq il-blat tat-tieqa.

Il-Kunsill Lokali jfakkar li investa somom kbar ta’ fondi kemm lokali kif ukoll mill-Unjoni Ewropea sabiex Wied il-Mielaħ jitranġa fl-istat li jinsab fih illum.

Il-Kunsill ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex iżur dan il-post ta’ sbuħija naturali u xenarji ta’ valur addizjonali. Iz-zona tgawdi minn importanza sinifikanti ekoloġika, ġeoloġika u storika u għaldaqstant il-Kunsill appella ukoll lill-viżitaturi sabiex jżuru dawn l-inhawi b’mod li jħarsu l-assi importanti li jinsabu fil-post u l-investimenti li saru fiz-zona.

Apparti minn hekk, il-Kunsill talab lill-Gvern u lill-awtoritajiet sabiex jirreklamaw b’mod għaqli dan is-sit naturali.