Lokali

FILMAT: Bil-PN fil-Gvern, in-negozji jkollhom level playing field

“Jien nemmen li l-messaġġ li jiena bgħatt lil min qiegħed fin-negozju hu li jien irrid nagħti ċans lilek ukoll. U allura jaqbillek illi fil-Gvern ikun hemm xi ħadd li mhux jagħmel preferenzi ma’ xi ħadd, imma Gvern li jagħti ċans lill-kulħadd” – kienu dawn il-kliem li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad fejn stqarr li l-Partit Nazzjonalista huwa l-aqwa għażla fis-settur tan-negozju.

Matul l-intervista’ li xxandret ilbieraħ filgħaxija fuq Net Television, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil indirizza l-finanzjament tal-partiti u kif hemm bżonn ta’ riforma sħiħa fis-sistema. Hu insista li hu jrid inadaff il-politika. Qal li jrid jagħmel terremot politiku għax ma jistax ikun li politiċi f’pajjiżna jieħdu deċiżjonijiet skont id-donazzjonijiet li jirċievu.

Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista jkun wieħed li jagħti ġustizzja lill-kulħadd, fejn stqarr: “Li rrid nagħmila ċara. Gvern imexxi minni jinvestiga dawn il-każi għax in-nies iridu l-ġustizzja, u jien irrid nara li l-ġustizzja ssir. Forsi fil-passat il-Partit Nazzjonalista ta biżejjed importanza għall-ġustizzja f’dan is-sens – illi ssir ġustizzja favur min bagħta, imma ħaqq ma min wettaqa dik l-inġustizzja”. Matul l-intervista, Simon Busuttil għamel referenza ċara għall-Kummissarju tal-Pulizija li s’issa għadu ma investigax lill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, minkejja l-evidenza kollha kontrihom fil-każ tal-Panama Papers u l-iskandlu li ħakem dan il-Gvern Laburista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġab eżempji fejn hawn bosta familji li mhumiex ileħħqu mal-għoli tal-ħajja. Simon Busuttil stqarr li għall-prezz tal-koruzzjoni ta’ dan il-Gvern Laburista qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar eżempji veri li ltaqa’ magħhom matul l-ħidma tiegħu. Fosthom semma’ mara li taħdem bħala carer fl-isptar Mater Dei, fejn qaltlu li hi għaliex taħdem ma’ kuntrattur titħallas bil-€5.61 fis-siegħa, u din tagħmel xogħol daqs carers oħra li huma impjegati mal-Gvern u huma jitħallsu b’aktar minn €7 fis-siegħa”. Iżda Simon Busuttil qal li ma’ dawn in-nies il-Gvern jitqammel, iżda fi bnadi oħra ma jidejjaq iberbaq flusu.

Simon Busuttil indirizza l-problema li qegħda taffettwa lill-poplu Malti kollu, hekk kif fiż-żmien viċin il-Partit Nazzjonalista se jippubblika numru ta’ inizjattivi abbażi long-term fir-rigward tat-traffiku. Hu tenn jgħid li l-Partit Nazzjonalista diġa’ ħareħ b’numru ta’ proposti short-term, iżda issa se jippublika wkoll proposti għal żmien aktar fil-bogħod. Dan ikompli juri kemm il-Partit Nazzjonalista huwa relevanti u proattiv mill-Oppożizzjoni, għall-kuntrarju li taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat il-problema tat-traffiku marret għall-agħar.

Matul l-intervista l-Kap tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista, u kif s-sondaġġi qegħdin juru li d-distakk bejn ż-żewġ partiti l-kbar. Simon Busuttil qal li jekk verament kien hemm 12% distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, u issa niżel għal 3-4%, sinjal li sar ħafna xogħol u fl-aħħar ġirja għall-elezzjoni kapaċi jegħleb dan id-distakk. Simon Busuttil stqarr li llum l-ġurnata l-poplu jemmen li l-Partit Nazzjonalista għandu ċans li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.