Nhar il-Ħamis jintlagħbu it-tieni legs tal-fażi tal-aħħar 16 tal-Europa League biex b’hekk ikunu magħrufa t-tmien timijiet li jgħaddu għall-fażi li jmiss. Logħba li tispikka se tkun dik bejn ir-rivali Ġermaniżi Borussia Moenchengladbach u Schalke 04.
Mönchengladbach, ġimgħa ilu kisbu draw pożittiv ta’ 1-1 barra minn darhom u b’hekk huma kemmxejn favoriti li jgħaddu huma. Borussia Moenchengladbach bħalissa jinsabu żewġ punti fuq l-istess Schalke fil-kampjonat u wieħed se jkun qed jistenna konfront ieħor bilanċjat bħal ma kien dak ta’ nhar il-Ħamis li għadda.
Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika jkompli jikkonferma li Mönchengladbach huma kemmxejn favoriti. Dan għaliex kull meta lagħbu kontra tim Ġermaniż fl-Ewropa, jiġifieri seba’ darbiet, dejjem ħarġu rebbieħa. Madankollu huma ilhom sa mill-1996 ma jaslu sal-fażi tal-aħħar tmienja f’kompetizzjoni Ewropea filwaqt li l-aħħar darba li Schalke għamlu dan kien aktar riċenti, fl-2012.
Minn naħa tagħhom Schalke xorta waħda għandhom għalxiex ikunu kuraġġużi li jistgħu jgħaddu għar-rawnd li jmiss, anke jekk qalgħu gowl f’darhom. Dan għaliex huma kellhom prestazzjoni ferm pożittiva u kienu biss diversi saves ta’ Yann Sommer li żammew lil Mönchengladbach fil-partita. Barra minn hekk, Schalke tilfu biss logħba mill-aħħar 10 li lagħbu barra minn darhom fl-Ewropa.
Il-konfront ta’ ġimgħa ilu kien l-ewwel darba li dawn it-tnejn lagħbu kontra xulxin f’kompetizzjoni Ewropea. Kumbinazzjoni dan il-konfront wasal ħamest ijiem wara li huma t-tnejn kienu lagħbu kontra xulxin fil-kampjonat. Dak il-konfront kien il-mitt konfront domestiku bejniethom u minn dawn il-mijja Gladbach rebħu 40 u ġew draw 28 filwaqt li tilfu 32.
Mistennija reazzjoni
Partita oħra ta’ interess se tkun dik bejn Rostov u Man Utd. Dan minħabba l-fatt li wieħed se jkun qed jistenna reazzjoni minn naħa ta’ Man Utd wara li matul il-ġimgħa sfaw eliminati mill-FA Cup b’telfa kontra Chelsea.
Ir-Red Devils jibdew favoriti li jgħaddu wara li fl-ewwel leg ġew draw 1-1 kontra r-Russi. Barra minn hekk, Man Utd qatt ma tilfu kontra tim Russu f’Old Trafford u dan ikompli juri kemm it-tim ta’ Mourinho mistenni jgħaddi. Rostov ma tantx kellhom wirjiet tajbin kull meta lagħbu barra minn darhom u fil-fatt ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames partiti. Fl-Eruoap League Man Utd dejjem rebħu f’Old Trafford u skurjaw 12-il gowl.
Il-fatt li Rostov għandhom lil Vladimir Granat imweġġa’ u diversi plejers sospiżi se jkompli jagħmilha diffiċli għalihom biex jikkwalifikaw.
Roma jridu jwettqu rimonta mill-aqwa jekk beħsiebhom jeliminaw lil Lyon wara li tilfu 4-2 kontra Lyon.
It-tlugħ tal-poloz tal-fażi tal-aħħar tmienja isiru nhar il-Ġimgħa f’Nyon.
Il-Programm
Besiktas v Olympiacos
Krasnodar v Celta Vigo
Genk v Gent
Ajax v Copenhagen
Anderlecht v APOEL
B.Mo’bach v Schalke
Man United v Rostov
Roma v Lyon