Ir-rappreżentanti tal-cabin crew tal-Air Malta jinsabu f’sitwazzjoni mfixkla – dan wara d-dikjarazzjoni tal-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li l-linja nazzjonali tal-ajru se jkollha tkeċċi n-nies. Għal kuntrarju ta’ din l-aħbar, bħalissa qed jiġu mħarġa aktar ħaddiema biex jidħlu jaħdmu mal-Air Malta fuq bażi part-time.
Il-President tal-Union tal-Cabin Crew tal-Air Malta Noel Mercieca tkellem mal-ġurnal Times of Malta, fejn stqarr li din is-sitwazzjoni hi waħda kontradittorja hekk kif s’issa għadha ma waslet l-ebda komunikazzjoni uffiċjali dwar it-tkeċċija ta’ nies mill-Air Malta lill-union tal-ħaddiema.
Noel Mercieca qal li skont il-ftehim kollettiv li jeżisti, l-Air Malta għandha bżonn aktar ħaddiema u mhux inqas. Hu kompla billi stqarr li “fil-preżent hemm numru ta’ impjegati prospettivi li qed jiġu imħarrġa fi programm ta’ sitt ġimgħat li se jiġu imħaddma abbażi part-time – dan sakemm li l-Gvern mhux beħsibu jkompli jnaqqas ir-rottot tal-Air Malta, għaliex fl-aħħar mill-aħħar ma nafux x’għandu f’moħħu il-Gvern.”
Il-President tal-Union qal li ilhom jitolbu għal-laqgħa qabel il-Ħadd li għadda, dan minħabba li l-ftehim kollettiv li għandhom skada erba’ snin ilu u fl-aħħar ta’ dan ix-xahar il-Union qalet li trid tinforma lill-membri tagħha x’inhi s-sitwazzjoni fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Noel Mercieca insista li l-Air Malta ma tistax tibqa’ tipposponi l-laqgħat.
Fuq l-istess tema’ ta’ tkeċċija tal-impjegati tal-Air Malta kkumentat ukoll l-GWU li tirrapreżenta l-istaff amministrattiv u s-settur tal-ground handling, qalet li mhux lesta taċċetta inqas minn dak li ġie maqbul fl-aħħar ftehim bejn il-Gvern u l-GWU is-sajf li għadda. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-aħħar ftehim stipula skemi ta’ irtirar kmieni u volontarju mill-post tax-xogħol jew inkella post tax-xogħol garantit fis-settur pubbliku għall-ħaddiema. Hu kompla billi temm jgħid li dan il-ftehim mhuwiex negozjabbli.
//= $special ?>