Lokali

KONFERMA: L-irċevuta hija mija fil-mija ta’ Joseph Muscat

Il-Lukanda Atlantis f'Dubaj
Toħroġ il-konferma wara li Joseph Muscat inkixef

Konferma illi Joseph Muscat ħallas €11,000 għal lukanda lussuża f’Dubaj, kif turi rċevuta li ġiet ppubblikata lbieraħ mis-sit elettroniku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija maħruġa illejla, 24 siegħa wara li faqqa dan il-każ xokkanti, il-Gvern qal li “kif tixhed l-irċevuta stess, il-Prim Ministru ħallas permezz tal-karta tal-kreditu tiegħu u matul is-sena li għaddiet qata’ dan il-kont mill-karta tiegħu permezz ta’ tranżizzjonijiet bankarji rekordjati”.

B’hekk, il-Prim Ministru nefaq €11,000 f’sitt ijiem fuq lukanda biss. Sa issa għadna ma nafux kemm nefaq fuq biljetti tal-ajru, f’ikel, trasport, telefonati, u żjarat li għamel hu u l-familja tiegħu.

Muscat nefaq medja ta’ €1,800 kull lejl li qatta’ f’din il-lukanda.

F’reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li Filwaqt li hawn eluf kbar ta’ ħaddiema u pensjonanti li lanqas biss jaraw €11,000 f’sena sħiħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat nefaq is-somma straordinarja ta’ €11,000 għal sitt ijiem lukanda f’Dubaj.  Dan issa hu kkonfermat minnu stess.

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ċar li l-Prim Ministru qiegħed jgħix stil ta’ ħajja li b’paga ta’ Prim Ministru, ma taffordjahomx, jiġifieri living beyond his means. Huwa diffiċli wieħed jemmen kif jista’ Prim Ministru li jaqla’ madwar €60,000 fis-sena, jonfoq parti sostanzjali minnhom f’sitt ijiem fuq lukanda biss.

Terġa, din iż-żjara seħħet fl-istess xahar li faqqa’ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar x’kien qed jagħmel fid-Dubaj il-Prim Ministru u dwar is-sors tal-flus li ħallas bihom.

Il-Prim Ministru għandu mill-aktar fis jagħti spjegazzjoni tal-aġir tiegħu, inkluż minn fejn ġew il-flus li nefaq.