Futbol Sport

Lukaku jirrifjuta offerta mingħand Everton

Lukaku

L-attakkant ta’ Everton Romelu Lukaku rrifjuta offerta migħand il-klabb tiegħu stess biex iġedded il-kuntratt. Hu mifhum li Everton qed joffru lill-plejer Belġjan kuntratt ta’ mitt elf lira sterlina fil-ġimgħa imma minkejja dan Lukaku jidher li jrid jingħaqad ma’ klabb ieħor.
Li kieku Lukaku jaċċetta din l-offerta jsir l-aktar plejer imħallas fit-tim.

Matul l-aħħar xhur Lukaku kemm-il darba qal li jixtieq jilgħab ma’ tim li jilgħab fiċ-Champions League u jista’ jagħti l-każ li Chelsea, eksklabb ta’ Lukaku, jerġgħu jippruvaw jakkwistawh.
Hu kien ħalla lil Blues biex jingħaqad ma’ Everton fl-2014 meta dakinhar huma kienu ħallsu 28 miljun lira sterlina.
Issa la darba Lukaku għamilha ċara mad-diriġenti tal-klabb li jixtieq iħalli lil Everton, dawn se jitolbu s-somma kbira ta’ 160 miljun lira sterlina għal dan l-attakkant li s’issa, dan l-istaġun, skurja 19-il gowl.

Filwaqt li Lukaku kemm –il darba qal li jrid jilgħab ma’ klabb li jikkompeti fl-Ewropa, d-deċiżjoni tiegħu hi sorpiża, speċjalment wara li l-aġent tiegħu Mino Raiola u l-kowċ tat-tim Ronald Koeman, qalu li Lukaku kien se jibqa’ magħhom.
Il-kuntratt ta’ Lukaku, li kien iffirmah fl-2014, jiskadi sentejn oħra. Everton ilhom jiddiskutu kuntratt ġdid ma’ Lukaku sa mis-sajf li għadda imma issa jidher li l-plejer ħa deċijoni dwar liema klabb se jilgħab miegħu fl-istaġun li ġej.

Bla dubju, jekk hu se jagħżel li jingħaqad ma’ klabb akbar minn dak ta’ Everton, hu se jkollu jaċċerta ruħu mill-fatt li fl-ewwel sena tiegħu mal-klabb ġdid irid juri logħob tajjeb jekk kemm-il darba jrid ikun inkluż fit-tim nazzjonali Belġjan li jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja li se ssir fl-2018 fir-Russja, dejjem jekk il-Belġju jikkwalifikaw għall-fażoi finali.