Lokali

“Muscat għandu jispjega kif nefaq €11,000 f’lukanda f’ġimgħa waħda”

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-poplu Malti u Għawdxi jistenna tweġibiet minn Muscat.

Filwaqt li kulħadd qed jistaqsi minn fejn Muscat ġab €11,000 biex jonfoqhom f’vaganza ta’ ġimgħa fid-Dubaj, l-Partit Laburista qed jibqa’ jirrepeti gideb u mistoqsijiet li diġà ġew imwieġba. Dan stqarru l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija bi tweġiba għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista jerġà jirrepeti li kuntrarjament għall-gideb tal-Partit Laburista, r-rabta kummerċjali li kellha Media.link Communications man-negozjant li Joseph Muscat u Konrad Mizzi tawh medda kbira ta’ art prime site f’San Ġiljan bir-ribass, kienet dik ta’ sponsorship tal-programmazzjoni fuq l-istazzjon NET TV u li fl-2016 ammontaw għal total ta’ €70,800, bil-VAT b’kollox. Il-Partit Nazzjonalista jirrepeti li m’għandu ebda problema li ma’ min kien hemm din ir-relazzjoni kummerċjali, jippubblika l-invoices. Kull allegazzjoni oħra mill-Partit Laburista hija gidba.

Madanakollu, l-mistoqsija li sa issa Muscat għadu qed jaħrab milli jwieġeb hi dik minn fejn ġab €11,000 biex jonfoq f’lukanda biss fil-vaganza li għamel f’Dubaj is-sena li għaddiet. Din l-ispiża hi biss tal-lukanda u la tinkludi l-vjaġġi u qas infieq ieħor matul dik il-ġimgħa. Fid-dikjarazzjoni tal-assi, Muscat iddikjara biss €55,000, jiġifieri l-ispiża tal-lukanda kienet kważi 20% ta’ dak li ddikjara f’sena.

Il-Partit Nazzjoanlsita temm jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi jistenna tweġibiet minn Muscat.