Sport Sport Ieħor

Norbert Attard jibqa’ b’punti massimi fil-Malta Premier League of Darts

Norbert Attard għeleb lil Albert Scerri 4-1

Il-ħames ġimgħa mill-kompetizzjoni Premier League li saret l-Università ta’ Malta, ipproduċiet rebħiet għal Norbert Attard, Godfrey Abela, John Agius u Brian Abela.

John Ciantar v Godfrey Abela 3-4

Iż-żewġ plejers bdew il-ħames ġimgħa b’rekord ta’ żewġ rebħiet u żewġ telfiet, fetħu s-serata b’logħba eċċitanti li kienet deċiża biss fil-leg finali. Ciantar beda l-aħjar u ħa vantaġġ doppju imma risposta immedjata minn Abela poġġiet il-konfront f’parità wara erba’ legs.

Il-ħames leg intrebħet minn Ciantar imma għal darba oħra, Abela għamel l-iskor indaqs bl-aqwa leg tal-partita ta’ erbatax-il dart fis-sitt leg. Is-seba’ u l-aħħar leg kienet missielta b’żewġ plejers jikkanċellaw ir-riżultati ta’ xulxin, biex fl-aħħar kien Abela li għalaq il-partita l-ewwel għat-tielet rebħa konsekuttiva, li biha jinsab pass ‘il bogħod mill-kwalifikazzjoni għall-finals night u post fit-tim nazzjonali li se jikkompeti fit-tazza tal-Mediterran fi Franza f’Mejju.

John Agius v Vincent Busuttil 4-3

John Agius irritorna għar-rebħ meta din id-darba għeleb lil sieħbu ta’ Floriana Ajax, Vincent Busuttil wara li kien megħlub fit-tielet u r-raba’ ġimgħa tal-kampjonat. L-ewwel sitt legs intemmu f’parità ta’ 3-3 biex għat-tieni darba fil-ħames ġimgħa, il-logħba kell tiġi deċiża fis-seba’ leg. Agius iddomina l-aħħar leg biex kiseb rebħa li biha jinsab fir-raba’ post.

Norbert Attard v Albert Scerri 4-1

L-ewwel żewġ plejers fil-kampjonat iltaqgħu kontra xulxin, b’Attard ikompli fit-triq tar-rebħ bi prestazzjoni brillanti. Attard irnexxielu jieħu vantaġġ ta’ 3-0 f’radda ta’ salib b’riżultati għoljin u għeluq effiċjenti.

Scerri evita whitewash b’rebħa fir-raba’ leg imma Attard komplew fejn ħalla fil-bidu, u temm il-konfront b’rebħa ta’ 4-1 b’medja ta’ 107.10 fl-ewwel disa’ darts u 86.52 3-dart average. B’din ir-rebħa, Norbert Attard ikkonferma postu fil-fażi finali kif ukoll fit-tim nazzjonali.

Brian Abela v David Attard 4-3

Brian Abela kiseb l-ewwel logħba tiegħu f’dawn il-kampjonati, wara li għeleb lil David Attard b’rimonta brillanti wara li kienu 3-0 minn taħt. Attard tilef diversi opportunitajiet li jirbaħ il-logħba, b’Abela jieħu vantaġġ kull darba. B’din ir-rebħa, Brian Abela żamm it-tamiet ħajja li jispiċċa mal-ewwel erbgħa.

Klassifika

1. N. Attard (5-0), 2. A. Scerri (3-2), 3. G. Abela (3-2), 4. J. Agius (3-2), 5. D. Attard (2-3), 6. J. Ciantar (2-3), 7. V. Busuttil (1-4), 8. B. Abela (1-4).

Statistika

L-Aqwa 3-dart average – N. Attard – 86.52

L-Aqwa leg – N. Attard – 14

180s – J. Ciantar, J. Agius, N. Attard, G. Abela – 1

L-Akbar għeluq – B.Abela – 96.

L-istreaming ta’ dawn il-logħbiet jinsab fuq is-sit ta’ YouTube tal-assoċjazzjoni – Malta Premier League of Darts 2016/17 – Day 5. Il-sitt ġimgħa tintlagħab nhar l-Erbgħa 29 ta’ Marzu 2017 fir-Red Bar, il-Kalkara bil-logħob jibda fit-8pm.

Andy Keen jirbaħ l-ewwel unur personali

Andy Keen ta’ Kalkara St Joseph, irnexxielu jirbaħ l-ewwel unur personali f’dan l-istaġun, wara li rebaħ il-ħames kompetizzjoni tal-istaġun li saret fil-Mosta. Fil-finali, hu rebaħ kontra Godfrey Abela ta’ Mosta Horseshoe filwaqt li Albert Scerri u Brian Abela wkoll ta’ Mosta Horseshoe spiċċaw fit-tielet post.

Il-kompetizzjonijiet li jmiss fil-kalendarju lokali se jsiru fid-19 ta’ Marzu fil-klabb ta’ Kalkara St. Joseph, u ġimgħa wara fiż-Żejtun Domus.