Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq vandaliżmu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta - Ritratt mill-arkivji

Żewġ studenti mir-Repubblika Ċeka kienu kkundannati 15-il xahar ħabs kull wieħed, sospiżi għal sentejn u nofs wara li ammettew li kkaġunaw ħsarat fuq propjeta’ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta meta kienu se jitilqu mill-pajjiż.

Jan Olt ta’ 27 sena u Martin Bohm ta’ 25 sena kienu waqt btala f’Malta ammettew li lbieraħ wettqu ħsarat fuq għamara fil-food court li jinsab bejn is-swali tat-tluq u tal-wasliet, tħażżiż fuq il-faċċata u ħsara oħra fuq bankijiet fiż-żoni pubbliċi fl-Ajruport.

Waqt il-proċeduri xehed il-Kap tas-Sigurta’ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Patrick Murgo li qal li l-ħsara kienet stmata għal madwar €1,820 għalkemm kien għad fadal xi affarijiet li l-ħsarat fuqhom kienu għadhom qed jiġu kwantifikati.

“Intom tmorru f’pajjiż ieħor biex tgawduh u mhux biex iġġibuh fi stat agħar milli kif sibtuh,” tenniet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech waqt li wissiet liż-żagħżagħ dwar il-konsegwenzi jekk iwettqu reat ieħor waqt iż-żmien tas-sentenza sospiża.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darren Buhagiar. L-Avukat Josette Sultana assistiet liż-żewġ żagħżagħ.