Lokali Qorti

Sitt nisa akkużati bi prostituzzjoni minn “ħwienet tal-massaġġi”

MD001755
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, erbgħa mill-akkużati ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom filwaqt li t-tnejn l-oħra wieġbu mhux ħatja.

Sitt nisa ta’ nazzjonalita’ Ukrena li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 36 sena u 39 sena dalgħodu tressqu l-Qorti akkużati li żammew jew eżerċitaw fl-eżerċizzju ta’ burdell minn tliet “ħwienet tal-massaġġi”; wieħed f’San Ġwann u tnejn f’Santa Venera.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, erbgħa mill-akkużati ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom filwaqt li t-tnejn l-oħra wieġbu mhux ħatja.

Viktoriya Mykhay u Svitlana Pabat, it-tnejn ta’ 38 sena, ammettew l-akkużi kontrihom b’rabta mal-attivita’ tagħhom mill-istabbiliment “Lotus Massage Parlour” fi Triq l-Ewkaliptus f’San Ġwann.

Inna Karpusha ta’ 39 sena ammettiet l-akkużi fil-konfront tagħha li kienet qed tiffrekwenta l-istabbiliment “Golden Touch Massage Parlour” fi Triq Fleur-de-Lys f’Santa Venera. Min-naħa l-oħra, Yana Barbutsa ta’ 36 sena, wieġbet mhux ħatja għall-istess akkużi marbuta ma’ dan l-istabbiliment.

Olena Zhuk ta’ 36 sena wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha b’rabta mal-istabbiliment “Moments in Paradise”  fi Triq Lord Byron f’Santa Venera, iżda is-sitt akkużata, Natalya Starykova ta’ 37 sena, ammettiet l-akkuża.

Il-Qorti ikkundannat lill-erba’ nisa għal sena ħabs sospiża għal sentejn. Il-Qorti irrakkomandat ukoll lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni biex jikkunsidra jekk hux il-każ li jordna r-ripatrijazzjoni tagħhom.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti ċaħdet it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ Yana Barbutsa u Olena Zhuk li m’ammettewx l-akkużi. Dan għaliex ilhom Malta biss għal ftit ġimgħat u m’hemm xejn xi jżommhom milli jaħarbu mill-pajjiż.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Spiteri. L-Avukat Alessandro Lia assista lil Yana Barbutsa filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana dehret għall-ħames akkużati l-oħra.