Lokali Qorti

Titwaqqa’ l-akkuża ewlenija ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ Paul Sheehan

L-akkuża ewlenija ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ Paul Sheehan, l-eks xufier tal-Ministru Manwel Mallia, titwaqqa’ mill-proċess.

Sheehan kien akkużat fost oħrajn b’attentat ta’ qtil f’inċident li seħħ f’Novembru tal-2014 meta ġera wara vettura misjuqa minn Stephen Smith u spara mill-inqas żewġ tiri fid-direzzjoni tal-karozza ta’ Smith. Dan wara li Smith kien laqat il-mera tal-karozza tal-Ministru li kienet ipparkjata fi Triq Nicolas Cottoner fil-Gżira.

Waqt is-seduta tal-bieraħ, il-Maġistrat Aaron Bugeja kien informat li l-Avukat Ġenerali iddeċieda li l-proċess kontra Sheehan mhux se jkun fil-forma ta’ ġuri u li waqqa’ l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil.

Paul Sheehan kien akkużat ukoll b’intimidazzjoni b’użu ta’ arma, pussess ta’ arma mingħajr raġuni valida, li spara arma f’post pubbliku u li qabeż il-limitu tal-awtorita’ tiegħu u li wettaq reat li kien fi dmir li jwaqqaf.

L-inkjesta li kienet twaqqfet sabiex tinvestiga l-inċident, kienet ikkonkludiet li Sheehan kien spara żewġ tiri fid-direzzjoni tal-karozza Vauxhall Insigna u li kien hemm tentattiv ta’ cover-up minn persuni qrib Sheehan.

Min-naħa l-oħra, fi proċeduri separati, Stephen Smith kien instab ħati li saq xurban u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal 9 xhur. Hu ma kienx instab ħati li hedded u ħebb għal Sheehan bi flixkun.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Alexandra Mamo u l-Ispetturi Saviour Baldacchino u Jesmond Micallef. L-Avukat Edward Gatt deher għal Sheehan filwaqt li l-Avukat Joe Giglio qed jidher f’isem Smith.