Lokali

Tiżdied il-pressjoni fuq Tanya Borg Cardona fl-Awtorita’ tax-Xandir

Iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Tanya Borg Cardona

Tkompli tikkomplika ruħha l-pożizzjoni ta’ Tanya Borg Cardona bħala Chairperson tal-Awtortita’ tax-Xandir.

Is-sitwazzjoni tant tinsab ħażina li l-Erbgħa l-istess Chairperson kellha ssejjaħ għal laqgħa urġenti biex tindirizza dak li ġie imħabbar ilbieraħ, fejn il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir ħadu numru ta’ azzjonijiet industrijali kif ordnati mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, il-UĦM Voice of the Workers.

Dan minħabba l-atteġġjament arroganti mal-ħaddiema b’bullying, insulti u abbuż minn naħa ta’ Tanya Borg Cardona, li konsegwenza t’hekk qed tiffaċċja pressjoni qawwija.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li l-atteġġjament ta’ Tanya Borg Cardona ma kienx aċċettabli fl-ebda post tax-xogħol.

 

Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtoritá tax-Xandir

Josef Vella l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers fakkar li huma diġa’ infurmaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar is-sitwazzjoni li hemm f’din l-awtorita’ tal-Gvern, fejn żied li ċ-ċirkostanzi tal-llum juru li l-pożizzjoni ta’ Tanya Borg Cardona m’għadhiex tenibbli.

Il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir ħadu diversi miżuri fl-azzjonijiet industrijali tagħhom, fejn fost l-oħrajn mhux se jirrispondu emails u telefonati, u ma jipproċessawx pagamenti ħlief il-pagi tal-ħaddiema tal-Awtorita’. Direttivi oħra huma li ma jsirux recordings għal barra; ma jsirux uploads tal-minuti scanned u x-xufier isuq il-karozzi biss tal-Awtorita’.

B’reazzjoni għal dak li ġara lbieraħ, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija rrefera għall-azzjonijiet industrijali li sejħet il-UĦM Voice of the Workers fid-dawl tal-intimidazzjoni u bullying minn Tanya Borg Cardona fuq il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir.

Il-Partit Nazzjonalista esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li s-sitwazzjoni tant iddeġenerat li l-ħaddiema ma kellhom ebda triq oħra ħlief li jirrikorru għall-azzjonijiet industrijali.

Is-sitwazzjoni fl-Awtorita’ tax-Xandir bdiet sejra ħażin minn meta l-Prim Ministru ħatar lil Tanya Borg Cardona. Il-Partit Nazzjonalista qal li hu t-tarka tal-ħaddiema u se jibqa’ jiddefendihom sakemm issir ġustizzja magħhom.

Iżda l-Awtorità tax-Xandir fi stqarrija ċaħdet l- -allegazzjonjijiet dwar bullying ta’ staff jew irregolaritajiet u qalet li l-kwistjoni hi kollha riżultat ta’ nuqqas ta’ ftehim jew nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn individwi fl-Awtorità.

Kawża tas-sitwazzjoni preżenti, l-Awtorità tax-Xandir ħabbret li pproponiet proċess ta’ medjazzjoni biex tirriżolvi kull nuqqas ta’ ftehim.