Lokali

FILMAT: Konrad Mizzi jgħajjar lill-ġurnalisti u jirrifjuta li jwieġeb dwar l-iskandlu tal-Panama

Il-Ministru Konrad Mizzi rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsija tal-ġurnalisti dwar minn fejn kien qed jippjana li jġib miljun fis-sena għall-kumpanija sigrieta li nqabad li fetaħ fil-Panama.

Il-ġurnalisti kienu qed jistaqsu lill-Ministru Mizzi dwar dan l-iskandlu, iżda minflok ma rrisponda, Konrad Mizzi għażel li jgħajjar lill-ġurnalisti tal-media indipendenti giddibin.

Il-mistoqsijiet saru meta Konrad Mizzi kien ħiereġ minn konferenza f’lukanda f’San Ġiljan. Malli bdew isiru l-mistoqsijiet dwar l-iskandlu tal-Panama, Konrad Mizzi ħarab mill-ġurnalisti billi reġa’ daħal fis-sala tal-konferenza għar-refuġju tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti tas-Super One. Wara, reġa’ mar fuq il-mejda li kien bilqgħeda madwarha aktar kmieni.

Malli l-konferenza ntemmet ftit minuti wara, u Konrad Mizzi ma kellux għażla oħra ħlief li joħroġ mis-sala tal-konferenzi, NET News (flimkien ma’ media oħra) reġa’ pprova jistaqsi lil Konrad Mizzi l-istess mistoqsija: minn fejn kien se jġib miljun fis-sena għall-kumpanija sigrieta fil-Panama, b’Konrad Mizzi jaħrab lejn il-karozza Ministerjali tiegħu u jitlaq minn fuq il-post.

Din mhux l-ewwel darba li Konrad Mizzi rrifjuta li jwieġeb din il-mistoqsija. Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ukoll inqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.