Lokali

FILMAT: Konrad Mizzi jiddefendi l-prezz tal-art tal-ITS

Iwaħħal f'ditta privata dwar il-valutazzjoni, avolja kienet 'Projects Malta' tal-Ministru Konrad Mizzi li nnegozjat it-trasferiment tal-art

Il-Ministru Konrad Mizzi, li l-ftehim dwar l-art tal-ITS jaqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu, iddefenda l-għoti tal-art għall-prezz baxx li kulħadd qed jikkritika.

Konrad Mizzi u l-Gvern spiċċaw iżolati fid-difiża tagħhom dwar dan il-ftehim. Rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ, tal-MHRA, tal-MEA, tal-UĦM Voice of the Workers u ta’ Din l-Art Ħelwa kkritikaw l-għoti tal-art għal €15-il miljuni.

“Le, (is-somma ta’ €15-il miljun) m’hijiex (l-unika somma li se jħallas il-privat)” qal Konrad Mizzi fid-difiża tiegħu. “Il-figura hija ta’ €60 miljun, li tinkludi elementi differenti, fosthom il-premium ta’ €15-il miljun u options ta’ redemption” żied jgħid.

Imma fil-ġimgħat li għaddew ġie żvelat li l-privat se joħroġ minn butu €15-il miljun ewro f’forma ta’ premium. ‘Il bijqa tas-€60 miljun se jitħallsu mix-xerrejja privati meta jifdu ċ-ċens tal-‘unit’ li se jkunu qed jixtru.

Għalkemm l-innegozjar tal-proġett sar minn ‘Projects Malta’, aġenzija li taqa’ direttament taħt ir-responsabbiltà ta’ Konrad Mizzi, il-Ministru ma ddejjaq xejn iwaħħal fid-ditta privata li għamlet il-valutazzjoni. “Il-valutazzjoni saret at present value rates mid-Deloitte, kumpanija internazzjonali”.

Imma Konrad Mizzi, fit-tweġibiet tiegħu, injora li għalkemm il-valutazzjoni mid-Deloitte hija ta’ €60 miljun ewro, kien il-Gvern li fl-aħħar mill-aħħar għażel li lill-privat jitolbu biss €15-il miljun bħala ‘premium’.