Internazzjonali

FRANZA: Tlieta midruba waqt sparatura fi skola, b’ġuvni jispiċċa arrestat

 

Il-Pulizija Franċiża fil-belt ta’ Grasse arrestaw ġuvni ta’ 17 il-sena wara sparatura fi skola li fiha ndarbu tlett persuni — is-surmast u żewġ studenti.

Il-kommandos minn taqsima elitista għal kontra t-terroriżmu wieġbu direttament għall-emerġenza fl-iskola għolja ta’ Tocqueville, fost rapporti li l-ġuvni kien armat ‘anki bil-grenades’.

Il-Ministru Franċiż, Juliette Meadel, li hi responsabbli mill-appoġġ għall-vittmi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, użat il-media soċjali biex tesprimi solidarjetà mal-qraba tal-midruba. Intant, Meadel qalet ukoll li ‘l-istudenti oħrajn kienu kollha qawwijin u sħaħ’.

Il-belt ta’ Grasse tinsab xi 44 kilometru mill-belt ta’ Nizza fejn, f’Lulju, kien seħħ attakk terroristiku minn aggressur bi trakk li sewa l-ħajja ta’ 86 persuna. Dan meta Franza tinsab taħt stat ta’ emerġenza wara sensiela ta’ attakki terroristiċi qattiela f’artha tul dawn l-aħħar 18 il-xahar.

Filwaqt li l-Ministeru għall-Intern Franċiż, illum, ħareġ allert dwar it-terrur, ir-rapporti mill-viċinanzi tal-iskola fejn seħħet l-isparatura qalu li l-ġuvni ‘ma kellux irbit jew konnessjoni ma’ xi grupp armat’. Madankollu, iċ-ċirkustanzi preċiżi madwar l-isparatura ma kenux ċari, fost diversi rapporti konfliġġenti.