Futbol Sport

Ghedin isejjaħ skwadra tar-riservi

Ghedin

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Pietro Ghedin sejjaħ skwadra ta’ 22 plejer li se jkunu qed jiffurmaw it-tieni tim nazzjonali. B’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Tekniku tal-MFA immexxi minn Robert Gatt, din l-iskwadra se tkun magħmula minn plejers li qed juru logħob pożittiv u li Ghedin jixtieq isegwi aktar mill-qrib u li jistgħu jiksbu anke post mat-tim nazzjonali tal-kbar.

Din l-iskwadra se jkollha żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ, it-Tlieta u nhar il-Ħamis li ġej fit-training grounds tal-MFA. Ta’ min jiftakar li bħalissa Ghedin qiegħed anke jmexxi sessjonijiet ta’ taħriġ għat-tim nazzjonali li nhar il-Ħadd 26 ta’ Frar se jilgħab logħba kontra s-Slovakkja, partita valida minn Grupp F tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.

Din it-tieni skwadra se tkun utli wkoll biex diversi plejers li jkunu lagħbu mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena jkollhom ma’ min jitħarrġu sakemm jagħmlu l-qabża għal mat-tim nazzjonali tal-kbar.
Fil-fatt, ħafna mill-plejers ta’ din l-iskwadra huma plejers li diġà lagħbu mal-U21. Hemm anke fiha żewġ plejers minn Għawdex, il-gowlkiper Steve Sultana ta’ Xewkija Tigers u d-difensur ta’ Għajnsielem Ferdinando Apap.

Barra minn dawn hemm plejers oħra li fil-passat diġà libsu l-flokk nazzjonali Malti tat-tim tal-kbar. Fost dawn hemm Terence Vella, Cain Attard, Llywelyn Cremona u Ayrton Azzopardi.
Vella lagħab 11-il darba ma’ Malta, Cremona lagħab tliet darbiet u Azzopardi lagħab darba.
Brandon Paiber, plejer li f’Jannar li għadda ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans wkoll kiseb post f’din l-iskwadra.

L-iskwadra li sejjaħ Ghedin hi:
Gowlkipers: Jurgen Borg (Gżira United); Steve Sultana (Xewkija Tigers).
Difensuri: Ferdinando Apap (Għajnsielem); Luke Grech (Ħamrun Spartans); Cain Attard (Birkirkara); Matthew Tabone, Sacha Borg (Tarxien Rainbows); Timothy Tabone Desira (Hibernians); Michael Johnson (St Andrews); Daniel Zerafa (Tarxien Rainbows).
Midfielders: Llwelyn Cremona (Valletta); Terrence Agius (Balzan); Tristan Caruana (Tarxien Rainbows); Johann Bezzina (Hibernians); Gabriel Aquilina (Sliema Wanderers); Dale Camilleri (St Andrews); Brandon Paiber (Ħamrun Spartans).
Attakkanti: Lydon Micallef (Balzan); Ayrton Azzopardi (Tarxien Rainbows); Siraj Arab (Ħamrun Spartans); Ryan Micallef (Rabat Ajax); Terence Vella (Senglea Athletic).