Borussia Dortmund ħabbru li Mario Gotze mhux se jilgħab aktar dan l-istaġun u se jkollu jistenna minn tal-anqas sas-sajf li ġej biex jirritorna għat-taħriġ. Dan minħabba li hu bħalissa qed jirċievi trattament minħabba kundizzjoni li għandu.
L-aħħar darba li lagħab kien fid-29 ta’ Jannar meta dakinhar Dortmund kienu ġew draw 1-1 kontra Mainz. Minn dakinhar ‘l hawn id-diriġenti tal-klabb kienu qed jittamaw li tal-anqas Gotze kien se jilħaq jilagħab sa tmiem dan l-istaġun.
Madankollu din il-Gotze, il-plejer li fl-2014 skurja l-gowl rebbieħ fil-finali tat-Tazza tad-Dinja, ħa din l-aħbar ħażina u issa qed jittama li jkun f’kundizzjoni tajba biex jibda l-preseason mal-kumplament ta’ sħabu. Bla dubju, jekk Gotze jkun f’sikktu biex jilgħab fl-istaġun li ġej din tkun aħbar tajba għall-kowċ Thomas Tuchel.
Intant, l-istess Dortmund ħabbru li l-midfielder Gonzalo Castro ġedded il-kuntratt bi tliet snin oħra u dan se jkun marbut mat-tim sal-2020.
Castro, li għandu 29 sena kien ingħaqad ma’ Dortmund sentejn ilu għas-somma ta’ 11-il miljun ewro. Minn dakinhar ‘l hawn hu sar wieħed mill-aktar plejers imporatanti tat-tim.
Ta’ min jiftakar li f’dawn l-aħħar ġimgħat anke Julian Weigl u Christian Pulisic ġeddew il-kuntratt.