Internazzjonali

Ħaddiem tal-IMF f’Pariġi ferut minn ittra-bomba

Impjegat mal-uffiċċju tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) f’Pariġi indarab f’idejh u f’wiċċu wara li  ittra li kien fiha l-isplussivi splodiet f’idu.

Il-ħaddiema kienu evakwati kollha mill-uffiċċju dritt wara l-inċident, waqt li d-Direttur tal-IMF, Christine Lagarde, ikkundannat ‘l-azzjoni vjolenti u kodarda’ kontra l-istaff tal-Fond fil-kapitali.

Lagarde, fi stqarrija, qalet li l-IMF kien qed jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Franċiżi biex jinvestigaw l-attakk. Intant, sorsi tal-pulizija kkwotati mill-gazzetta Le Parisien qalu li t-tagħmir inkwistjoni ‘setgħet kienet biċċa logħob tan-nar’. Il-prefett tal-pulizija f’Pariġi kien ikkwotat li l-ittra-bomba ‘intbagħtet bil-posta’, iżda l-oriġini ma ngħatatx.

L-uffiċċju tal-IMF jinsab f’distrett fiċ-ċentru ta’ Pariġi, qrib ta’ Champs Elysees.

Sadanittant, fil-Ġermanja kien hemm żvilupp pjuttost simili, fejn in-nies fil-mailroom tal-Ministeru tal-Finanzi ta’ Berlin interċettaw pakkett-bomba li ntbagħtet nhar l-Erbgħa lill-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż, Wolfgang Schaeuble.

Intant, grupp ta’ estremisti Griegi tax-xellug bl-isem ‘Conspiracy of Fire Cells’ qal, fuq il-websajt, ‘li kien bagħat it-tagħmir inkwistjoni’.

Wolfgang Schaeuble illum kien qed iħejji għal laqgħat , f’Berlin, mas-Segretarju tat-Teżor ġdid Amerikan, Steven Mnuchin.