Lokali Parlament

Il-Gvern daħak bis-sajjieda

– Toni Bezzina, PN

Il-Gvern daħak bis-sajjieda u mhux talli ma żidilhomx ir-rappreżentanza fil-Kunsill Konsultattiv dwar s-Sajd, talli naqqasilhom u dan kollu għamlu mingħajr ma kkonsulta magħhom.

Meta kien qd jitkellem fid-dibattitu dwar l-Att biex jemenda l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd u biex jipprovdi għat-Twaqqaif tal-Kunsill Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel reazzjoni għall-Emendi tal-Att Prinċipali dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd u qal li l-emendi saru mingħajr il-konsultazzjoni neċessarja mal-koperattivi, għaqdiet u dawk kollha involuti fis-settur tas-sajd u tal-akwakultura;

Il-Kunsill Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura flimkien ma’ erba’ Kumitati jinkludu l-Kumitat għas-Sajd, il-Kumitat għall-Akwakultura, il-Kumitat għall-Kummerċjalizzazjoni tal-Ħut u l-Kumitat għal Koordinament tal-Konformità. Dan se jieħu post il-Bord tas-Sajd.

Hu qal ġejna f’sitwazzjoni fejn dak kollu li nbena fi żmien Gvern Nazzjonalista tul is-snin, dan il-Gvern qiegħed jipprova jkissru.
Il-PL kien wiegħed li jitwaqqaf Kunsill Konsultattiv dwar is-Sajd b’rappreżentanza tal-Koperattivi f’dawn l-oqsma biex ikun forum fejn b’mod regolari ssir konsultazzjoni bejn il-persuna responsabbli politikament minn dan il-qasam u dawk kollha involuti.

Din ma kienet xejn ħlief daħka f’wiċċ dawk kollha involuti direttament f’dan is-settur. Minflok il-Kunsill Konsultattiv twaqqaf biex isaħħaħ il-konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti f’ dan is-settur, dan il-Kunsill Konsultattiv ser joħnoq il-vuċi ta’ dawn in-nies. Dan hu theddida għal ħobża ta’ kuljum tas-sajjieda kif wkoll ta’ dawk kollha involuti fl-Akwakultura.

Dwar it-twaqqif tal-Kunsill Konsultattiv u Kumitati, Toni Bezzina qal li Artiklu 3 li se jissostitwixxi Artiklu 5 tal-Att Principali jirreferi għat-twaqqif ta’ Kunsill Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwalultura.

Dan se jieħu post il-Bord dwar is-Sajd, fejn il-Gvern kien jagħżel jinnomina 7 minn 15. Skond din il-liġi il-Kumitat Konsultattiv ser ikun iffurmat minn 8 membri li wieħed minnhom biss se jkun innominat direttament mill-koperattivi u għaqdiet relatati mas-sajd u dan bħala l-President tal-Kumitat tal-Kummerċjalizzazjoni tal-Ħut, peress li dan il-Kumitat se jkun iffurmat fil-maġġor parti tiegħu min-nies involuti fis-settur.

Dan ifisser li il-Gvern se joħnoq il-leħen tas-sajjieda, l-koperattivi u l-ghaqdiet taghhom kif wkoll dawk involuti fl-akwakultura. Barra minn hekk, se jiġu iffurmati erba’ Kumitati, li tlieta minnhom se jkollhom il-maġġor parti tal-membri nominati mill-Gvern.

Il-Kumitat għas-Sajd iffurmat minn 16 il-membru li erba’ minnhom biss se jkunu nominati mill-koperattivi u għaqdiet. Il-Kumitat għall-Akwakultura iffurmat minn seba’ membri li se jkunu kollha nominati mill-Gvern; il-Kumitat għall-Kummerċjalizzazjoni tal-Ħut iffurmat minn 11 il-membru li tlieta minnhom se jkunu nominati mill-Gvern.

Dan il-Kumitat biss se jirrifletti ir-rappreżentanza fil-maġġor parti tagħha ta’ dawk involuti fis-settur; il-Kumitat għal-Koordinament tal-Konformita fejn l-10 membri li jiffurmaw dan il-Kumitat se jkun magħżula mill-Gvern mingħajr l-ebda rappreżentanza ta’ dawk involuti direttament fis-settur. Dan se jwassal biex kuntrarjament għal dak li kien isir fil-Bord tas-Sajd, is-sajjieda, il-koperattivi u l-għaqdiet tagġhom kif wkoll dawk involuti fl-akwakultura ma se jkollhom lil ħadd li jkun jista’ jwassal leħinhom.

Kull President ta’ kull kumitat ser jkun magħżul b’maġġoranza sempliċi u jkun jifforma parti mill-Kunsill Konsultattiv. Dan imur kontra l-wegħda tal-Gvern li fil-Manifest Elettorali tiegħu kien wiegħed li se jwaqqaf Kunsill Konsultattiv dwar is-Sajd b’ rappreżentanza tal-Koperattiva, meta fil-fatt minflok il-koperattivi żdidilhom leħinhom, tnaqqsilhom il-vuċi li kellhom fil-Bord tas-Sajd.

Bażikament, il-Ministru se jinomina il-maġġor parti assoltua tal-Membri tal-Kumitat Konsultattiv u tal-Kumitati biex jisma dak li jrid hu.

Toni Bezzina qal li se jkun projbit li tkun mgħoddija lil terzi kull informazzjoni miġbura fl-eżerċizzju tas-setgħat tad-direttur jew tal-uffiċjali għat-tħaris tas-sajd. Din hi t-trasparenza li tant għajjat biha dan il-Gvern qabel l-elezzjoni ġenerali li ghaddiet?

Kull informazzjoni se tiġi trattata kif tiġi trattata informazzjoni miżmumin mill-Kummissjoni Elettorali; mill-Kummissjoni dwar l-Impjiegi; mill-Kummissjoni dwar s-Servizz Pubbliku; mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika; mis-Servizz tas-Sigurtà; l-Awtorità tax-Xandir u l-Ombusman
Toni Bezzina staqsa x’ hemm daqsekk sigriet li skond il-Ministru ma hux fl-interess tal-poplu u rrimarka li l-poplu jaħseb li erġajna morna 30 sena lura.
Il-fatt li l-Kumitati għandhom jiddiskutu biss dawk l-affarijiet li jiġu riferiti lilhom mill-Kunsill qed jinkwieta lil dawk kollha involuti f’ dan is-settur u hi sarima oħra ma’ ħalq is-sajjieda u dawk kollha involuti fis-settur tal-akwakultura. Fejn qiegħed id-djalogu li tant jiftaħar bih dan il-Gvern!, irrimarka Toni Bezzina

Dwar l-infringments Toni Bezzina qal li fejn qabel l-infringments kienu joħorġu meta d-Direttur ikollu raġuni xierqa, issa ser joħorġu meta d-Direttur jidhirlu li għandu jagħmel dan. Hu staqsa jekk il-multi għar-reati issa hux se joħorġu b’mod suġġettiv minflok b’ mod oġġettiv. Dan il-fatt jista’ joħloq dubji serji kif se joħorgu l-infringements fejn anke l-fatt x’jikkostitwixxi light infringment mhux ċar. Hu ppropona sistema tal-light infringment skond kif inhu stipulat fil-ligi Ewropea u staqsa x’ ser jigi meta persuna tkun riċediva fuq reat żgħir u kemm se tkun il-multa f’każ bħal dan?

Toni Bezzina qal li għal dawn ir-raġunijiet il-kooperattivi u rappreżentanti tas-sajjieda u tal-akwakultura jinsabu rrabjati. Il-Gvern daħak bihom u mhux talli ma żidilhom ir-rappreżentanza, talli naqqasilhom. Dan kollu għamlu mingħajr ma kkonsulta magħhom. Għal din ir-raġuni, l-Oppożizzjoni se tivvota kontra kif ġie emendat dan l-Att.

Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni tinbidel biss jekk fl-istadju ta’ kumitat jiġu kkonsultati kemm il-koperattivi u rappreżentanti ta’ dan is-settur kif wkoll l-Oppożizzjoni biex minflok jitkisser dak li hemm diġà, jiġi mtejjeb dak li hemm fl-Att Prinċipali.