Lokali Qorti

Il-Qorti tordna biex il-festa ta’ San Patrizju ssir bħas-snin ta’ qabel; il-Kunsill jirreaġixxi

L-attivita' ta' St.Patrick's Day f'San Ġiljan

Il-Qorti waqqfet permess li kien ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan lil organizzatur tal-attivitajiet tal-massa biex jarma f’San Ġiljan fil-festa ta’ San Patrizju.

Il-permess qajjem kontroversja u protesti min-numru ta’ sidien ta’ ħwienet f’San Ġiljan li appellaw lill-qorti biex toħroġ mandat kontra dan il-permess.

Il-kontroversja qamet wara li l-Kunsill Lokali ta permess lil Philip Gatt ta’ Massive Pormotions biex jarma fil-parkeġġ quddiem it-Tigulio fi Spinola. Nhar it-Tlieta l-Qorti laqgħet b’mod termoranju talba tas-sidien tal-ħwienet tax-xorb taż-żona EW Enterprise, Tigi Complex u IE Limited biex iwaqqfu lil Massive Promotions milli jorganizzaw l-attività. Issa din it-talba kienet milqugħa totalment.

Is-sidien tal-ħwienet kienu qalu li l-permess maħruġ kien illegali għaliex ma kinx f’linja mar-regoli tal-mod kif il-kunsilli lokali għandhom joħroġu l-offerti. Fil-qorti intqal li f’Settembru, Gatt kien avviċina lill-kunsill lokali u pproponielu li jingħata kuntratt esklussiv biex jorganizza ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi ta’ San Patrizju fil-Bajja ta’ Spinola. Unanimament il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kien aċċetta l-proposta ta’ Gatt iżda insista fuq kumpens finanzjarju

F’Ottubru li għadda l-kunsill iltaqa’ ma’ Gatt li talab kuntratt ta’ tliet snin bil-kunsill jaċċetta li Gatt jingħata kuntratt ta’ sena għal ħlas ta’ €2,000. Irriżulta li l-flus li kienu se jitħallsu minn Gatt ma kinux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tat-tindif wara l-attività. Is-Sindku ta’ San Ġiljan qal lill-qorti li l-kunsill kien favur il-proposta ta’ Gatt għaliex tinkludi mużika Irlandiża, mobile toilets, uffiċjali tas-sigurtà, pulizija u ambulanza.

Gatt qal lill-kunsill li kien se jġib ukoll banda Irlandiża. Jirriżulta li ma nħarġet l-ebda sejħa għall-offerti għal din l-attività u l-Kunsill kien informat mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali li l-permesis li nħarġu jiksru l-liġi.

Is-sidien tal-ħwienet qalu lill-qorti li huma kienu ilhom jorganizzaw l-attività għal diversi snin billi jarmaw quddiem il-ħwienet tagħhom. Din is-sena huma innotaw li l-postijiet assenjati lilhom ma kinux dawk tas-soltu għaliex Gatt kien awtorizzat li jtella’ tinda kbira quddiem it-Tigulio.

Huma qalu li ma ngħatawx il-permessi tas-soltu għall-mużika u ċaħdu li Gatt kien se jkollu mużika Irlandiża għaliex hu kien qed jirreklma li se jkollu erba’ Djs ta’ Bay Radio jdoqqu fl-attività. Is-sidien tal-ħwienet sostnew li l-għoti tal-permess lil Gatt kien qed jipperikolalhom l-għajxien tagħhom minħabba li Gatt seta’ jbigħ l-alkoħol li hu stess kien jimporta.

L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima qalet li l-Kunsill kellu joħroġ sejħa għall-offerti għal dawk interessati u li l-klijentela tal-ħwienet tax-xorb taż-żona kienet maħtufa mil-Kunsill u minn Gatt.

Kunsill Lokali San Ġiljan

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali sostna li l-intenzjoni ewlenija tiegħu kienet biex ikun hemm aktar sigurta’ tal-ordni, kordinament aħjar u ndafa fl-interess tar-residenti, ta’ dawk preżenti u tal-Kunsill, li ma jidħolx fi spejjeż finanzjarji għal skapitu ta’ proħetti u inizjattivi oħra, kif kien jiġri fis-snin l-imgħoddija.

Il-Kunsill fl-istqarrija qal li wara laqgħa tal-Kunsill li saret il-Ħamis filgħaxija, ntlaħaq qbil li fid-dawl li l-Kunsill m’għandux kontroll fuq din l-attivita’, ma jistax jidħol responsabbli minnha u mhux ġust li jġorr il-piż finanzjarju li tħalli attivita’ kummerċjali bħal din u li hija ta’ gwadan għal numru limitat ta’ stabbilimenti kummerċjali.