Lokali

Il-vaganza f’Dubaj: Jiddefendi u jgħid li barra l-paga, jdaħħal il-flus mill-kirja tal-karozza

Wara li nqabad li nefaq f’sit tijiem aktar minn €11,000 f’vaganza f’Dubaj, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda dan il-każ u fost oħrajn qal li barra l-paga, idaħħal flus mill-kirja tal-karozza.

“To set the record straight ilkom żmien sħiħ tgħidu li jien naqla’ ferm iżjed flus minn hekk għax naqla’ allowance mill-karozza. Did-darba din tħalliet barra konvenjentament”, qal il-Prim Ministru fl-ewwel reazzjoni tiegħu minn meta ġiet żvelata din l-istorja.

Joseph Muscat idaħħal €7,000 fis-sena biex juża l-karozza privata tiegħu. F’ħames snin, minn fuq dahar in-nies se jkun ħa €35,000 talli juża l-karozza tiegħu.

Hekk kif il-Prim Ministru iddefendi l-vaganza ta’ ftit jiem f’Dubaj ta’ aktar minn €11,000, qal ukoll li fost oħrajn idaħħal il-flus mill-kirja tal-karozza.

“Naħseb għandi dritt li nagħmel l-għażliet tiegħi għall-familja tiegħi. Naħseb ukoll li wara sena niġi akkużat li xi ħadd ħallasli, ħareg li jien ħallast għal dawk l-affarijiet”, żied jgħid Muscat.

Joseph Muscat injora kompletament il-mistoqsija ta’ NET News meta staqsejna jekk iħossx li din in-nefqa hija esaġerata meta fil-pajjiż hawn mal-100,000 persuna li l-anqas imissu l-€10,000 f’sena waħda.