Il-Qorti ordnat li l-impjegat tal-Gvern Katerinu Farrugia jingħata kumpens ta’ €15,000 wara li fl-2009 weġġa’ f’inċident f’ħidma fl-Isptar San Luqa. Kaġun ta’ dan l-inċident Farrugia sofra diżabbiltà permanenti.
L-inċident ġara f’Diċembru 2009 meta Katerinu Farrugia kien qed jagħmel ħidma ta’ manutenzjoni fl-Isptar San Luqa. Iż-żewġ ħaddiema sħabu Carmel Vella u Godwin Attard xehdu fil-Qorti li dakinhar tal-inċident kienu qed jaħdmu f’taraġ fl-Isptar San Luqa.
Huma xehdu li minħabba x-xita kien hemm iż-żlieq waqt li t-taraġ ma kellux balavostri. Huma kienu isfel filwaqt li Farrugia kien qed jaħdem fuq it-taraġ. F’mument instema ħoss qawwi u raw li Farrugia kien waqa’ għal isfel. Farrugia kiser idejh, kien muġugħ ħafna u kellu jkun operat.
F’Diċembru tal-2009 l-Industrial Injuries Board iddikjara li Farrugia jista’ jaħem iżda hu baqa’ jkollu wġigħ fi spalltu u idu x-xellugija. Minn idejh naqsitlu s-saħħa u diversi konsulenti mediċi dikjaraw li sofra diżabbiltà permanenti ta’ bejn 10% u 21%.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li t-Tabib Ewlieni tal-Gvern hu responsabbli għall-inċident u ordnatlu jħallas €15,145 lil Farrugia għad-diżabbiltà li sofra u li kellha effett fuq il-karriera tiegħu.
//= $special ?>