Kultura

Kunċert bit-typewriter għall-orkestra nazzjonali

Michael Laus - Mill-Arkivji

Waqt il-kunċert li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) se torganizza nhar is-Sibt, 25 ta’ Marzu, il-perkussjonista prinċipali tal-orkestra se jkun bilqiegħda ma desk u jagħfas il-buttuni tat-tastiera ta’ typewriter.

Però Daniel Cauchi – li huwa wkoll l-mexxej tal-grupp l-Big Band Brothers u nofs id-duo Kafena – mhuwiex se jabbanduna l-mużika għall-uffiċċju. Minflok, se jittratta typewriter bħala instrument tal-perkussjoni ieħor.

Filfatt, flimkien mal-orkestra, Daniel se jdoqq The Typewriter, xogħol miktub minn Leroy Anderson fl-1950 u famuż minħabba skit tal-kummidjant Jerry Lewis, li tinvolvih jaħdem fuq ‘typewriter’ inviżibbli.
B’dan ix-xogħol se jagħlaq il-kunċert Instruments of Innovation, li jiffoka fuq kompożizzjonijiet mużikali innovative.

Dawn jinkludu l-Kunċert għat-Trumbetta ta’ Joseph Haydn, li ġie miktub fl-1796 wara li l-ħabib tiegħu Anton Weidinger kien iddiżinja trumbetta li taħdem bit-tasti, u li b’hekk kienet tagħmilha possibli għal-ewwel darba li ddoqq in-noti kollha, bħat-trumbetti tal-lum li jaħdmu bil-valvoli.

Min-naħa l-oħra, il-Kunċert għal-Harpsichord miktub fl-2002 mill-kompożitur Amerikan Philip Glass, magħruf għall-mużika tal-films li kiteb, juri kif strument li fil-passat kien meqjus bħala obsolet jista’ faċilment isib postu f’mużika kontemporanja.

Fil-kunċert se tindaqq ukoll il-Clock Symphony ta’ Haydn; sinfonija li bbażata fuq xogħol li l-kompożitur kien ikkompona għal arloġġ mużikali.

L-orkestra se tkun immexxija mid-direttur tal-orkestra residenti tal-MPO Michael Laus, li se jkun qiegħed ukoll idoqq il-harpsichord.

Il-kunċert jibda’ fis-7:30pm, u biljetti jistgħu jinxtraw minn showshappening.com.