Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra tat il-Kunsens Irjali ( Royal Assent) għall-abbozz dwar il-Brexit; b’dan iwitti t-triq għall-Prim Ministru Theresa May biex tibda taħditiet għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
L-abbozz dwar il-ħruġ mill-UE – jew aħjar in-Notification of Withdrawal – kienu għaddewh, nhar it-Tnejn, id-deputati parlamentari u l-membri (peers) tal-House of Lords, f’Londra.
In-Notifikazzjoni tippermetti biex il-Prim Ministru May tavża lill-Brussell li r-Renju Unit qed jikkonkludi l-proċess tal-Brexit – bin-notifika għandha tkun segwita b’negozjati li jdumu għaddejjin sentejn mal-Unjoni.
Theresa May, intant, qalet li se tattiva l-proċess għall-Brexit, permezz tal-Artiklu 50, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Iżda l-bidu uffiċjali għall-Brexit mhux mistenni jsir il-ġimgħa d-dieħla biex ma jaħbatx fl-istess żmien tas-summit informali għall-Istati-membri tal-Unjoni Ewropea. Il-laqgħa inkwistjoni għandha timmarka s-60 anniversarju mit-Trattati ta’ Ruma, li kienu waqqfu l-Komunità Ekonomika Ewropea, li, maż-żmien, żviluppat fl-Unjoni Ewropea li nafu llum.
//= $special ?>