Internazzjonali

L-Italja: Jindarbu waqt l-iżbroffi tal-Etna

 

Talanqas għaxar persuni, fosthom turisti, spiċċaw midruba fost l-iżbroffi mill-muntanja Etna – il-vulkan attiv lejn il-Lvant mill-Belt Metropolitana ta’ Katanja, fi Sqallija.

L-iżbroffi inkwistjoni mill-Etna seħħew wara nofsinar u ingħad li l-midruba ‘intlaqtu mil-lava’. Intant, il-ġrieħi li ġarrbu dawn in-nies mhumiex serji anki jekk dawn qegħdin jirkupraw fl-isptarijiet ta’ Katanja u Acireale.

Kelliema fl-inħawi qalu, iżda, li l-midruba ‘huma xxurtjati li l-konsegwenzi ma kenux agħar’, bi skwadra tas-salvataġġ tevakwa numru ta’ nies miz-zona tal-iżbroff.

Din kienet it-tielet darba li żbroffa l-vulkan Etna f’anqas minn tliet ġimgħat, fost rapporti li l-lava u l-ġmied ‘sparaw sa għoli ta’ 200 metru’ fis-sema. Fil-fatt, l-Etna – l-ogħla u l-aktar vulkan ‘attiv’ fl-Ewropa – kien ilu min-nhar l-Erbgħa għaddej bl-iżbroffi, bl-esperti, issa, jirreferu għal sinjali li naqas il-periklu ‘minn din il-fażi’.