Knisja Lokali

RITRATTI: L-Arċisqof fost is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta

L-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna żar diversi sezzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta waqt żjara li għamel fost oħrajn f’Lyster Barracks, fejn kien akkumpanjat ukoll mill-Kmandant tal-FAM Jeffrey Curmi u numru ta’ Uffiċjali tal-Armata.

Matul iż-żjara, Mons Scicluna kellu l-opportunità jara d-diversi inġenji użati mill-FAM, iżda wkoll l-isfidi li l-membri tal-Armata jkollhom ta’ kuljum. Fost oħrajn, hu ttela’ abbord vetturi marittimi biex seta’ jsegwi l-proċeduri użati f’eżerċizzji ta’ salvataġġ.

Wara laqgħa ma’ numru ta’ suldati minn diversi sezzjonijiet, il-Kap tal-Knisja f’Malta ngħaqad mas-suldati għal ikla fl-Officers’ Mess.

F’messaġġ għall-okkażjoni, Mons Scicluna rringrazzja lill-membri tal-Armata għall-impenn tagħhom biex jipprovdu s-sigurtà u jsalvaw il-ħajjiet. Hu għadda lill-Brigadier Curmi Kurċifiss bħala rigal li għandu jfakkarhom li meta jassistu lil xi ħadd, ikunu qed jgħinu lil Kristu preżenti f’dawk li qed ibatu u huma fil-bżonn.

(Ritratti: Forzi Armati ta’ Malta)