F’Malta u Għawdex hawn 110,000 ħaddiem li jaqilgħu inqas minn 11,000 ewro fis-sena u hawn ukoll 90,000 pensjonant li ma jaqbżux il-€11,000 pensjoni fis-sena. Dan ifisser li nofs il-popolazzjoni ta’ pajjiżna ma jarawx €11,000 fis-sena imma għandna Prim Ministru li jonfoq €11,000 għall-sitt ijiem f’lukanda f’Dubaj u dan l-aġir tal-Prim Ministru Joseph Muscat jibgħat messaġġ ħażin ħafna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt diskussjoni f’Għawdex organizzata mill-Kumitat Reġjonali Għawdex li saret fis-Sub Headquarters, Każin Partit Nazzjonalista, f’Ta’ Sannat.
Id-diskussjoni saret bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-30 anniversarju mill-ftuh tal-Każin u fiha ħadu sehem ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fuq id-distrett ta’ Għawdex, Maria Portelli u Joe Ellis. Attendew ukoll Deputati u kandidati u anke s-Segretarju Ġenerali tal-PN, Rosette Thake.
Fil-ftuh tad-diskors tiegħu Simon Busuttil sellem il-memorja ta’ Joyce Muscat, il-mara ta’ Richard Muscat li kienet eroj wara żewġgħa li kien ingħata missjoni minn Eddie Fenech Adami biex ixandar minn Sqallija f’perijodu meta f’pajjiżna kienet intilfet il-libertà tal-espressjoni.
Il-Kap tal-PN qal li llum ħafna nies qed jindunaw li għall-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat qed iħallsu huma. Hu rrefera għal każ fejn persuna f’Għawdex li nqabdet titraffika d-droga ammettiet imma wara bidlet l-istatement li tat lill-Pulizija wara li saret laqgħa fil-Ministeru għal Għawdex li għaliha attendew żewġ politiċi ewlenin tal-Gvern. Simon Busuttil qal li minflok il-Pulizija ressqet il-Qorti lil dik il-persuna, il-każ waqaf hemm u għalhekk il-Gvern qed jipproteġi lil min ibigħ id-droga lit-tfal tagħna.
Hu fakkar li f’erba snin il-Gvern Laburista m’għamel xejn f’Għawdex ħlief skema ta’ xogħol prekarju mħaddma mill-GWU li qed ittellef lis-settur privat.
Hu qal li erba snin ilu l-Gvern ta’ Joseph Muscat ħa l-ġurament tal-ħatra imma ftit jiem wara infetħu tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama u li għadhom għaddejjin. Hu qal li llum kulħadd jaċċetta li pajjiżna għandu l-iktar Gvern korrott fl-istorja.
Dwar il-każ tal-art tal-ITS, Simon Busuttil qal li hu mhux lest jagħlaq ħalqu u għalhekk talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga t-trasferiment tal-art għax ma jibżax mit-theddid. Qal li fid-disa’ snin li ilu fil-politika, Joseph Muscat qatt ma qal li xi ħadd heddu dwar donazzjonijiet u għalhekk wieħed jaħseb li hemm xi ħaġa ħażina.
Simon Busuttil qal li s-sistema politika f’pajjiżna rridu nibdluha b’mod radikali biex id-deċiżjonijiet ma jibqgħux jiddependu fuq l-integrita’ tal-bniedem.
Dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Simon Busuttil qal li s-sid il-ġdid mhux magħruf u s-servizz mar lura tant li bħalissa hemm epidemija ta’ gastric flu. Għall-prezz tal-korruzzjoni qed iħallas il-poplu, sostna Simon Busuttil.
Hu qal li l-PN qed jilqa’ l-ideat biex iħejji programm elettorali speċifiku għal Għawdex u fakkar li din se tkun waħda mill-iktar elezzjonijiet ġenerali importanti għall-pajjiżna minn wara l-Indipendenza. Hu appella biex kulħadd jagħti sehemu biex pajjiżna jkollu Gvern li jixraq lill-poplu kollu.
Wara saret ċerimonja ta’ tifkira dwar it-30 anniversarju mill-ftuh tal-Każin tal-PN f’Ta’ Sannat u l-Kap tal-PN kixef plakka komemorattiva. Wara sar riċeviment għall-dawk preżenti.
//= $special ?>