Ambjent Lokali

Tibda l-passa tar-Rebbiegħa fuq Malta

L-ewwel għasafar jibdew ipassu u jiġu osservati wkoll speċi anqas komuni

Hekk kif qed joqrob ir-Rebbiegħa, bdew jidhru l-ewwel sinjali tal-passa tar-Rebbiegħa, b’opportunità mill-isbaħ għall-familji biex joħorġu jgawdu s-sbuħija tan-natura u t-temp sabiħ.

Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li fil-ġimgħat li għaddew, diġà bdewa jidhru l-ewwel għasafar tal-passa għal dan l-istaġun. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, mal-qamar kwinta, laħqet ukoll il-qofol tagħha l-passa tal-borok, b’numru kbir ta’ ‘birdwatchers’ jinġabru fiċ-Ċirkewwa biex jaraw dawn l-għasafar ipassu tul il-fliegu bejn Malta u Għawdex.

Fost l-ispeċi osservati f’ammonti sostanzjali kien hemm il-Brajmla Ħamra, is-Sarsella Ħamra, is-Silfjun, is-Silfjun Ewropew, il-Palettuna, il-Kuluvert tas-Salib u s-Sarsella. U għalkemm il-fliegu tagħna jservi bħala rotta speċifika għal numru sabiħ ta’ speċi, BirdLife Malta nnutat ukoll l-importanza partikolari li għandha l-Brajmla Ħamra, li kważi hi kklassifikata bħala fil-periklu li tkun estinta.

Min-naħa l-oħra, l-għaqda qed tinnota wkoll il-ftuħ tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, bejn il-25 ta’ Marzu u l-14 ta’ April, fejn din is-sena se tkun permessa biss Kaċċa għas-Summien minħabba li hemm moratorju fuq il-Kaċċa għall-Gamiem.

BirdLife kompliet li matul il-moviment migratorju tal-massa, l-għasafar jiffaċċjaw ħafna ostakli, fosthom il-vjaġġ diffiċli minn fuq id-Deżert tas-Sahara u l-Baħar Mediterran. Hu għalhekk li l-Gżejjer Maltin huma kruċjali tul ir-rotta tal-passa tal-għasafar għax ifittxu kenn u mistrieħ qabel ma jkomplu bil-vjaġġ tagħhom aktar ‘il fuq fl-Ewropa.

Għaldaqstant, il-Kaċċa fir-Rebbiegħa mhix aċċettabbli jew sostenibbli, hekk kif l-għasafar jinqatlu waqt li jkunu fi triqthom biex ibejtu u allura kontra kull prinċipju ta’ konservazzjoni. BirdLife Malta qalet li tibqa’ soda fil-pożizzjoni tagħha li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-Kaċċa tul dan l-istaġun.