Kultura

Viva t-Teatru: Il-Jum Dinji tat-Teatru 2017

Manoel Iftahli, Narcy Calamatta and Malcolm Galea. Ritratt: Chris Farrugia Studios

Il-Jum Dinji tat-Teatru, stabbilit mill-Istitut Internazzjonali tat-Teatru, ilu jiġi ċċelebrat fis-27 ta’ Marzu minn professjonisti tat-teatru, organizzazzjonijiet teatrali, universitajiet tat-teatru, kif ukoll mill-ħbieb tat-teatru madwar id-dinja sa mill-1962.

Din is-sena, Malta se tingħaqad ukoll maċ-ċelebrazzjonijiet dinjija taħt il-bandiera ta’ Viva t-Teatru, bi programm ta’ avvenimenti minn Teatru Malta u mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-programm tal-avvenimenti se jiftaħ il-Ġimgħa 24 ta’ Marzu f’nofsinhar f’ Teatru Metanoia f’Ħal- Luqa bit-tnedija ta’ Spazji Teatrali, katalogu ta’ 78 spazju teatrali, bħala parti minn studju kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Università ta’ Malta. It-tnedija se tiġi segwita minn anteprima tal-proġett ġdid ta’ Teatru Malta kif ukoll l-ewwel inizjattiva tiegħu.

Se jiġi organizzat forum informali ta’ jumejn dwar kwistjonijiet kurrenti fit-teatru Malti, imsejjaħ Taħdita Teatru, bħala pjattaforma għad-dibattitu dwar il-kompitu uffiċjali ta’ Teatru Malta. Dan se jieħu l-forma ta’ diskussjonijiet informali, li se jsiru f’diversi spazji teatrali f’Malta u Għawdex bħala parti minn vjaġġ b’xarabank, b’dawn id-diskussjonijiet attwalment ikomplu fuq ix-xarabank bejn id-diversi lokalitajiet, u fuq il-vapur fit-triq lejn Għawdex!

Taħdita Teatru se jibda s-Sibt 25 ta’ Marzu fit-Teatru tal-Kampus tal-Belt Valletta (li qabel kien magħruf bħala l-MITP) b’diskussjoni dwar jekk it-teatru jistax ikun kemm esperimentali kif ukoll popolari. Is-sessjoni finali se ssir fit-triq lejn Għawdex il-Ħadd 26 ta’ Marzu.

Id-diskussjonijiet se jiġu mmoderati minn diversi prattikanti teatrali li ġejjin minn skejjel teatrali differenti, bħal Dr Nicole Bugeja, Chris Dingli, Joseph Zammit, Philip Leone Ganado u oħrajn. Se jintużaw diversi spazji f’kull wieħed mill-ħames reġjuni f’Malta u Għawdex, bħad-Domus fiż-Żejtun, it-Teatru tal-Komunità f’Monte Karmeli, is-Sala Dun Karm Lia fir-Rabat u oħrajn.

Toni Attard, id-Direttur tal-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti qal li “din hija l-ewwel darba li l-Kunsill Malti għall-Arti qed jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Teatru bi programm ta’ avvenimenti. Din hija wkoll opportunità sabiex numru ta’ organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, prattikanti tat-teatru kif ukoll Teatru Malta, li għadu kemm twaqqaf, jinġiebu flimkien sabiex jiċċelebraw it-Teatru f’Malta u jiddibattu t-triq eċitanti ’l quddiem għat-teatru lokali.”

Parti wkoll mill-programm huma Manoel, Iftaħli, sensiela ta’ żjarat ta’ siegħa l-waħda, b’xejn, tat-Teatru Manoel, immexxija minn Malcolm Galea u Narcy Calamatta li se jsiru fis-26 ta’ Marzu, kif ukoll żewġ rappreżentazzjonijiet b’xejn ta’ Toi Toi għat-tfal li jattendu skejjel fil-Belt Valletta. Fis-27 ta’ Marzu se tiġi organizzata żjara speċjali għall-anzjani tal-Belt Valletta. Dawn iż-żjarat qed jiġu organizzati b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel.

“Nixtiequ nieħdu din l-opportunità sabiex niċċelebraw it-teatru f’Malta u Għawdex. Hemm diversi avvenimenti; xi wħud għall-udjenzi, oħrajn għall-prattikanti tat-teatru tagħna. It-tfal żgħar li jattendu l-iskejjel fil-belt Valletta jistgħu jattendu r-rappreżentazzjonijiet ta’ Toi Toi, il-pubbliku ġenerali jista’ jżur it-Teatru Manoel b’xejn, filwaqt li l-ħbieb tat-teatru jistgħu jiġu jiddibattu waqt ikla ta’ nofsinhar, fuq xarabank jew fuq il-vapur t’Għawdex filwaqt li jżuru spazji teatrali interessanti. Dawn id-diskussjonijiet għandhom l-għan li joħolqu riżultati tanġibbli għalina. Li tkun nazzjonali hija opportunità enormi iżda hija wkoll responsabbiltà enormi,” ikkonkluda Sean Buhagiar, li għadu kemm ġie maħtur direttur artistiku ta’ Teatru Malta.

Il-programm sħiħ u iktar tagħrif dwar kull avveniment huma disponibbli fuq www.artscouncilmalta.org. Il-parteċipazzjoni hija mingħajr ħlas. Ir-reġistrazzjoni għaż-żjarat tat-Teatru Manoel, il-vjaġġi  bix-xarabank u l-ikliet ta’ nofsinhar,  hija fuq bażi ta’ first-come first-served. Sabiex tibbukja għal Taħdita Teatru, ibgħat imejl fuq fundinfo@artscouncilmalta.org jew ċempel 2339 7020. Biex tibbukkja għaż-żjarat tat-Teatru Manoel, ibgħat imejl fuq bookings@teatrumanoel.com jew ċempel 2146 3389.