AĠĠORNATA: Il-kriżi fl-Awtorità tax-Xandir se tkompli tikber hekk kif wara laqgħa ta’ medjazzjoni llum waranofsinhar, il-UHM-Voice of the Workers ħabbret li se tissokta bl-azzjonijiet industrijali, u ddeskriviet il-laqgħa tal-lum bħala ‘ftit wisq, tard ħafna.
Għal din il-laqgħa, ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir Tanya Borg Cardonama m’attendietx. Fi stqarrija, l-UHM-Voice of the Workers qalet li ma ntlaħaq ebda qbil fuq is-sitwazzjoni preżenti f’din l-Awtorità. Minkejja l-proposta tal-management tal-Awtorità tax-Xandir biex ir-rwol taċ-Chairperson ikun wieħed mhux eżekuttiv, l-UHM-Voice of the Workers wieġbet li ċ-Chairperson illum diġà għandha rwol ta’ non-executive u m’hemm l-ebda garanzija li l-bullying fl-Awtorità se jieqaf.
Sadattant, dwar is-sit il-ġdid, il-union sostniet li kellha ssir konsultazzjoni qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni fuq il-kuntratt ma’ terzi persuni. Studji dwar is-saħħa u s-sigurtà ukoll kellhom isiru qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm it-trasferiment tal-operat minn binja attrezzata, li hi proprjetà tal-istess Awtorità, għal binja tal-privat ferm iżgħar minn dik preżenti. Fil-fatt, il-files u dokumenti relatati se jinżammu fil-bini preżenti tal-Awtorità biex iċ-Chairperson tkun paxxuta f’sular iddedikat kważi kollu għaliha.

Aktar kmieni: Il-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir qed jakkużaw liċ-chairperson Tanya Borg Cardona b’aġir ta’ abbuż u bullying fil-konfront tagħhom.
Is-sitwazzjoni tant tinsab ħażina li l-Erbgħa l-istess Chairperson kellha ssejjaħ għal laqgħa urġenti biex tindirizza dak li ġie mħabbar ilbieraħ, fejn il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir ħadu numru ta’ azzjonijiet industrijali kif ordnati mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, il-UĦM Voice of the Workers.
Fost l-oħrajn huma mhux se jirrispondu emails u telefonati, u ma jipproċessawx pagamenti ħlief il-pagi tal-ħaddiema tal-Awtorita’. Direttivi oħra huma li ma jsirux recordings għal barra; ma jsirux uploads tal-minuti scanned u x-xufier isuq il-karozzi biss tal-Awtorita’.
Fi stqarrija, l-Awtorità tax-Xandir ċaħdet l-allegazzjonjijiet dwar bullying ta’ staff jew irregolaritajiet u qalet li l-kwistjoni hi kollha riżultat ta’ nuqqas ta’ ftehim jew nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn individwi fl-Awtorità.
Iżda din iċ-ċaħda, li giddbet lill-ħaddiema, wasslet biex is-sitwazzjoni kompliet tiggrava u tirrabja lill-istess impjegati. Saħansitra jidher li Tanya Borg Cardona hi ffaċċjata minn numru ta’ ittri legali kawa tal-atteġġjament tagħha fil-konfront tal-ħaddiema.
F’emails li waslu għand The Times of Malta, Borg Cardona saħansitra tindirizza lill-ħaddiema tagħha billi twissihom li se titrattahhom bħal tfal tal-iskola. “Għandkom sal-Ġimgħa biex tiżbarazzaw l-imwejjed tagħkom,” tordna Borg Cardona. “La qed taġixxu ta’ tfal tal-iskola, se tiġu trattati ta’ tfal tal-iskola.”
Reazzjoni PN:
Il-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir huma vittmi tal-inkompetenza u d-deċiżjonijiet ħżiena ta’ Joseph Muscat. Dan intqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista iffirmata mill-Kelliem għax-Xandir, il-Komunikazzjoni u d-Drittijiet taċ-Ċittadin, Clyde Puli.
Hu qal li l-ħaddiema, għax ma baqgħalhom ebda triq oħra, kellhom jirrikorru għall-azzjonijiet industrijali biex iwasslu l-messaġġ tagħhom li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu taħt it-tmexxija taċ-Chairperson attwali.
Hu kompla jgħid li Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab mill-emergency exit quddiem din is-sitwazzjoni li ġabet l-Awtorità tax-Xandir irrelevanti. Il-ħaddiema jistennew li Muscat jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu b’mod immedjat.
Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-appoġġ tiegħu lill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir u jappellalhom biex ma jaqtgħux qalbhom quddiem din is-sitwazzjoni diffiċli.
//= $special ?>

