Internazzjonali

Dubji dwar it-tmexxija tal-Eurogroup wara l-elezzjoni fl-Olanda

Jeroen Dijsselbloem, li l-Partit Laburista tiegħu sofra telfa kbira fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ nofs il-ġimgħa, spiċċa f’sitwazzjoni fejn kapaċi jitlef id-dekasteru tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi Olandiż. Dan waqt li hu, fl-istess ħin, ikompli bħala l-President tal-Eurogroup magħmul mill-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro.

Il-kwistjoni tista’ tkun trattata waqt il-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn għall-istess Ministri tal-Eurogroup. Dan ukoll meta uffiċjali u Ministri tal-Unjoni Ewropea qegħdin jissuġġerixxu li ‘ħadd mhu se jipprova jwarrab lil Dijsselbloem (almenu għalissa).’

Intant in-negozjati għall-Gvern li jmiss tal-Olanda kapaċi jdumu għaddejjin għall-ġimgħat u x-xhur peress li l-pajjiż se jeħtieġ koalizzjoni magħmulha minn diversi partiti.

Għalissa, l-osservaturi qed jaqblu li Gvern Olandiż magħmul mil-Liberali taċ-ċentru-lemin bħala ‘il-bażi’, flimkien mad-Demokristjani u l-Partit D66 taċ-ċentru (favur l-UE) għandu jiffunzjona minn lat politiku (b’total ta’ 71 fost il-150 siġġijiet fil-Parlament).

Sadattant, l-uniku xenarju li jippermetti għar-ritorn ta’ Dijsselbloem (li kien elett bħala deputat fl-aħħar elezzjoni) bħala Ministru tal-Finanzi għandu jkun realizzat permezz ta’ koalizzjoni kbira bejn il-Liberali, id-Demokristjani, id-D66 u l-Laburisti Olandiżi.

Madankollu, il-Partit Laburista – li f’din l-elezzjoni tilef 20 siġġu u rnexxielu jtella’ biss disa’ deputati —  mhux se jkun l-ewwel partit li l-Liberali se javviċinaw bħala sieħba potenzjali. Fl-istess ħin, il-Laburisti spiċċaw isofru disfatta kbira wara erba’ snin u nofs f’koalizzjoni mal-Liberali u l-osservaturi ma jeskludux li l-partit ta’ Dijsselbloem ‘kapaċi, ’il quddiem, jippreferi li jsaħħaħ lilu nnifsu fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni’.

Jeroen Dijsselbloem ilu Ministru tal-Finanzi mill-2012. Hu kien elett President tal-Eurogroup fl-2013 u reġa’ kien  ikkonfermat fl-istess kariga f’Lulju tal-2015. Il-mandat tiegħu, effettiv għal sentejn u nofs, jintemm f’Jannar tal-2018.