Sport Sport Ieħor

Federer jerġa’ jegħleb lil Nadal din id-darba fl-Indian Wells

Federer (lemin) kiseb it-tielet rebħa konsekuttiva fuq Nadal

Roger Federer għadda għall-kwarti tal-finali tal-Indian Wells wara li għeleb 6-2, 6-3 lir-rivali tiegħu Rafael Nadal, biex issa se jiltaqa’ ma’ Nick Kyrgios. L-Iżvizzeru kien f’forma brillanti biex kiseb tliet rebħiet konsekuttivi fuq l-Ispanjol għall-ewwel darba.

Federer kien temm stennija ta’ aktar minn sitt snin biex jikseb it-18-il Grand Slam, u r-rebħa tal-Erbgħa tħallih fit-taqtigħa biex jikseb il-ħames suċċess f’dan it-tournament, u l-ewwel wieħed mill-2012.

L-avversarju ta’ Federer, Nick Kyrgios, kiseb rebħa tajba ta’ fuq Novak Djokovic, biex b’hekk għadda għall-ewwel darba mal-aħħar tmienja. Federer se jkun qed jipprova jpatti għat-telfa li kien sofra kontra Kyrgios fl-unika konfront bejniethom f’Madrid tal-2015.