Internazzjonali

Jiċħdu dwar ‘moniteraġġ ta’ Trump’ b’wire-tapping

 

L-elementi fi ħdan l-aġenzija sigrieta GCHQ tar-Renju Unit warrbu għall-allegazzjonijiet li saru fuq stazzjon televiżiv tal-Istati Uniti, fis-sens li din l-aġenzija għenet lill-eks-President Amerikan Barack Obama biex ‘jissemma’ fuq il-President-elett, Donald Trump, wara l-aħħar elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti.

L-aġenzija inkwistjoni, li hi responsabbli mill-moniteraġġ ta’ komunikazzjonijiet għall-interessi nazzjonali, ħadet il-pass rari li toħroġ stqarrija pubblika fejn fissret l-allegazzjoni minn Andrew Napolitano, li hu analista mal-istazzjon Fox News, bħala ‘totalment redikola’.

L-allegazzjoni inkwistjoni kienet tinvolvi l-użu ta’ wire-tapping u l-GCHQ qed tiċħad kategorikament l-insinwazzjoni ta’ Napolitano li ‘l-aġenzija kienet mitluba biex taddotta dan it-tip ta’ sorveljanza sigrieta fil-konfront ta’ Trump’.

Sadattant, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, issa, qablu biex ma jirrepetux l-allegazzjoni inkwistjoni dwar il-wire-tapping fir-rigward tal-aġenzija GCHQ. Dan waqt li kelliema qrib il-Prim Ministru Britanniku, Theresa May, qed jgħidu li Gvern ta’ Londra, issa, ‘serraħ rasu’ li l-kwistjoni waqfet hawn.