Lokali

Joe Attard isib rifuġju għand il-YMCA – l-istorja tiegħu twassal għal mewġa ta’ solidarjetà

Joe Attard, l-anzjan li jumejn ilu tkellem ma’ Net News wara lejl li qattgħu rieqed f’parapett, fortunatament sab saqaf fuq rasu wara li l-YMCA għamlu kuntatt miegħu u offrewlu rifuġju.

L-istorja ta’ Joe qajmet għarfien ikbar fuq is-sitwazzjoni li ħafna qed jgħixu f’pajjiżna, bil-qraba ta’ Joe jagħmlu kuntatt ma’ Net News jirringrazzjaw lil ammont kbir ta’ persuni li xtaqu jgħinu, inkluż il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca nnifisha.

Il-YMCA tmexxi Dar Niki Cassar, li tagħti kenn lil madwar tletin persuna, li disgħa minnhom huma tfal u żgħażagħ taħt it-18-il sena. L-għan ta’ din id-dar hu li toffri għajnuna lil adulti, tfal u familji fil-bżonn, inkluż permezz ta’ rifuġju ta’ emerġenza lil dawn li jinsabu bla saqaf fuq rashom.

Madankollu, iktar minn hekk il-YMCA toffri għajnuna lil dawk li jfittxu lil din l-għaqda mhux governattiva biex isibu saqajhom u jibdew jgħixu ħajja indipendenti mill-ġdid. Din l-għajnuna tiswa’ lill-YMCA €270,000 fis-sena.