Lokali

Konfermata: Il-Kummissjoni Elettorali se tinvestiga lill-Partit Laburista

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji
Żewġ investigazzjonijiet fuq il-Partit Labursita mill-Kummissjoni Elettorali.

Minkejja l-impressjoni li prova jagħti l-Ministru Owen Bonnici, issa ġie kkonfermat li l-Kummissjoni Elettorali se tinvestiga lill-Partit Laburista – hekk kif dan hu l-unika partit f’Malta li kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, u ma rreġistrax d-donazzjonijiet li daħħal mal-Kummissjoni Elettorali. Dan kollu jfisser li l-Partit Laburista kiser liġi li ħoloq hu stess.

Qalet dan il-gazzetta Times of Malta, fejn sorsi qrib il-Kummissjoni Elettorali żvelaw li l-bord tal-investigazzjoni tal-Kummisjoni Elettorali se tindaga dan in-nuqqas tal-Partit Laburista fejn id-donazzjonijiet li daħħal fl-2016 sal-llum għadhom ma ġewx irreġistrati – meta sippost fl-1 ta’ Marzu dawn kollha kellhom jiġu preżentati.

Il-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-partiti kollha f’Malta – rrispettaw id-data tal-għeluq ta’ meta kellhom jiġu preżentati d-dokumenti finanzjarji hekk kif inhu obligat taħt il-liġi tal-finanzjament. Iżda meta uffiċjali tal-Partit Laburista ġew avviċinati minn Net News biex jagħtu risposta ta’ għalfejn kisru liġi li ħolqu huma stess – l-uffiċjali tal-Partit Laburista qalu li ingħataw reġistrazzjoni proviżorja mingħand il-Kummissjoni Elettorali.

Iżda din ir-‘reġistrazzjoni proviżorja’, mal-ewwel ġiet miċħuda mill-Kummisjoni Elettorali stess u giddbet lill-Partit Laburista.

L-artiklu ta’ Times of Malta dwar l-investigazzjoni dwar il-PL

L-iskuża li ġab  il-Partit Laburista hi li għadha ma saritx Konferenza Ġenerali Straordinarja biex jinbidel l-istatut u jiddaħlu proċeduri ġodda li jimxu skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Iżda din mhux l-unika investigazzjoni li l-Partit Laburista se jiġi indagat fuqha – hekk kif l-Alternattiva Demokratika resqet ilment dwar kif il-Partit Laburista qed juża l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Girgenti mill-grupp Parlamentari Laburista. Din it-tieni investigazzjoni se ssir minħabba l-użu tal-binja mill-Partit Laburista mingħajr ħlas lill-Istat, kif sippost isir.