Qawwiet ta’ Iżrael u oħrajn tal-Gvern Sirjan kellhom l-aktar konfront serju bejniethom mill-bidu tal-gwerra ċivili fis-Sirja. Dan wara li l-qawwiet tal-art Sirjani fetħu n-nar fuq ajruplani militari Iżraeljani li kienu għaddejjin b’azzjoni fuq l-artijiet tal-ġar.
Kelliema għall-Iżraeljani qalu, aktar tard, li l-ebda ajruplan ma ntlaqat mill-isparar. Intant, missila sparata mis-Sirjani kienet interċettata minn sistema tad-difiża tal-Iżraeljani lejn it-Tramuntana ta’ Ġerusalemm.
L-ewwel sinjali tal-konfront seħħew kmieni dalgħodu fost id-daqq tas-sireni għal waqt attakki mill-ajru fil-Wied tal-Ġordan okkupat mill-Iżraeljani. Kien hemm anki splużjoni li aktar tard kienet ikkonfermata bħala ‘missila li kienet twaqqgħet mid-difiżi tal-Iżraeljani’.
Il-versjoni min-naħa tas-Sirjani kienet li erba’ fighter-jets Iżraeljani daħlu fl-ispazju tal-ajru tas-Sirja ‘u li kien twaqqa’ ajruplan minnhom, b’fighter-jet ieħor iġarrab il-ħsarat’. Intant, l-Armata Iżraeljana ċaħdet għal dan ir-rakkont mis-Sirja.
Skont l-aħħar rapporti, il-militar Sirjan qal li l-ajruplani Iżraeljani kkonċentraw attakk fuq stallazzjoni militari qrib ta’ Palmyra waqt li Iżrael ma zvelax iz-zona fil-mira tal-qawwiet tal-ajru tiegħu.
//= $special ?>