L-Arċisqof Charles Scicluna llejla awgura li jintlaħaq ftehim bejn il-komunita’ Musulmana f’Malta u l-Gvern biex ir-reliġjon Musulmana tiġi mgħallma fl-iskejjel tal-Gvern. Hu qal dan meta kien qed jitkellem f’kollegament telefoniku waqt il-progamm Xarabank.
L-Arċisqof qal li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tiggarantixxi l-liberta’ fit-tagħlim u t-tħaddin tar-reliġjonijiet, u żied li kif il-Knisja f’Malta għandha ftehim mal-Gvern dwar it-tagħlim tar-reliġjon Kattolika fl-iskejjel, daqstant ieħor jawgura li jintlaħaq ftehim dwar it-tagħlim tal-Islam fl-iskejjel tal-Gvern.
Mistoqsi speċifikament dwar l-iskejjel tal-Knisja, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-ethos tal-iskejjel tal-Knisja ma jippermettix li tfal ta’ twemmin Musulmana jiġu mċaħħda milli jitgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja jew li jiġu sfurzati jitgħallmu r-relġijon Kattolika. Mistoqsi dwar it-tagħlim tal-Islam fl-iskejjel tal-Knisja, l-Arċisqof qal li jekk loġisitikament ikun possibbli (pereżempju jkun hemm grupp imdaqqas ta’ tfal Musulmani) ma jara xejn ħażin li tfal Musulmani jitgħallmu l-Islam anke fi skejjel tal-Knisja.
Matul il-programm, l-Imam Mohammed El Sadi qal li jekk l-Islam jibda jiġi mgħallem fl-iskejjel tal-Gvern, it-tagħlim Iżlamiku għandu jkun konformi mal-liġijiet ta’ Malta u l-valuri Maltin u Ewropej.
//= $special ?>