L-Istati Uniti, illum, qed twarrab għall-politika antika mal-Korea ta’ Fuq li bbażat fuq ‘il-paċenzja strateġika’ ta’ Washington. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet huma li Washington, ‘il quddiem, jista’ jagħżel biex jidħol f’azzjoni militari kontra l-Korea komunista ‘bħala l-aħjar forma ta’ difiża’.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, qal li din l-għażla militari tinsab ‘fuq il-mejda’ f’każ li l-livell tat-theddida mir-reġim Korean fi Pyongyang jirrendi dan il-pass neċessarju. Intant, Tillerson qal ukoll, waqt żjara fil-Korea t’Isfel, li l-Istati Uniti qed tanalizza diversi miżuri ġodda minn aspett diplomatiku u ekonomiku.
Rex Tillerson, fl-istess ħin, iddefenda l-istazzjonar ta’ sistema missilistika tal-Istati Uniti fl-artijiet tal-Korea t’Isfel. Il-pass partikulari rrabja liċ-Ċina, iżda Washington u Seoul it-tnejn qed jinsistu li s-sistema hi meħtieġa bħala difiża kontra l-Korea ta’ Fuq li ilha żmien tadotta atteġġjament perikoluż u imprevedibbli.
Tillerson, li wasal il-Korea t’Isfel mill-Ġappun, anki żar iz-zona demilitarizzata li tissepara lill-Korej. Sadanittant, hu tenna li ‘fallew 20 sena sħaħ ta’ sforzi intiżi biex il-Korea komunista tabbanduna l-ambizzjonijiet nukleari tagħha u llum, l-Amerikani spiċċawlhom is-sabar’.
Meta staqsewh dwar il-possibbiltà ta’ azzjoni militari, Tillerson qal li ‘ċertament (l-Amerikani) ma jixtiqux li l-affarijiet jaslu sa dan il-punt iżda l-għażla tibqa’ hemmhekk f’każ li l-Koreani komunisti jelevaw il-programmi tal-armi għal livell li jkun jeħtieġ reazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti’.
Il-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar snin, mexxiet numru ta’ provi nukleari u għall-missili. Dan waqt li r-reġim fi Pyongyang qal li jinsab qrib li jipprova l-missili li jwasslu fuq id-distanzi twal, ‘anki sal-Istati Uniti’, u li huma kapaċi biex iġorru l-warheads nukleari.
//= $special ?>