Lokali Qorti

Ma tingħatax il-libertà proviżorja lill-ewwel akkużat wara l-attentat ta’ ħruq ta’ residenza fil-Marsa

Ix-xena tal-omiċidju fejn instab mejjet Sylvester Farrugia fit-12 ta' Frar 2017

Wieħed minn tlett irġiel li allegatament kienu involuti f’attentat ta’ ħruq ta’ faċċata ta’ dar fil-Marsa tressaq il-Qorti u ma ngħatax il-libertà proviżorja. Kawża ta’ dan l-allegat attentat, li seħħ matul il-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Frar li għadda, tilef ħajtu Sylvester Farrugia, ta’ 25 sena miż-Żurrieq.

Fil-Qorti Aaron Cassar, ta’ 37 sena minn Ħal Kirkop, tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Cassar, li ma jaħdimx u hu magħruf sew mal-Pulizija, qed ikun akkużat ukoll li fl-14 ta’ Novembru seraq karozza tat-tip Toyota Starlet mill-Belt, kif ukoll li ħamest ijiem wara seraq sett ta’ pjanċi tar-reġistrazzjoni minn vettura differenti f’Ħal Luqa.

Kmieni filgħodu tat-12 ta’ Frar, il-Pulizija kienet infurmata bis-sejba ta’ katavru fi Triq Simpson. Il-vittma kien identifikat fil-post grazzi għal tpinġija li kellu ma’ idu l-leminija. Dwar dan il-qtil, kien tressaq il-Qorti Deniro Magri, ta’ 37 sena, li wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti, Magri kien qal li aġixxa f’att ta’ ‘self-defence’ wara li nnota lil żewġt irġiel jersqu lejn ir-residenza tiegħu f’nofs ta’ lejl. Preżenti fir-residenza kien hemm ukoll is-sieħba u iben Magri.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud kien qal li malli kienu nfurmati bis-sejba ta’ persuna mejta fi Triq Simpson, il-Pulizija nnutaw riħa qawwija ta’ fuel barra d-dar ta’ Magri, f’indikazzjoni ċara għall-investigaturi li l-persuni involuti kienu ppruvaw jaħarqu l-bieb tar-residenza.

Fis-seduta meta tressaq Aaron Cassar, l-Ispettur Arnaud qal li l-akkużat kien mistoqsi mill-Pulizija jumejn wara li seħħ il-każ wara li kien identifikat minn filmati ta’ CCTV cameras li hemm fiż-żona. Hu reġa’ kien arrestat lejliet li tressaq il-Qorti wara evidenza ġdida li waslet għand il-Pulizija, li iżda ma kienux elenkati fil-Qorti.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech qal li l-evidenza fil-konfront ta’ Cassar s’issa tidher bħala vaga. Madankollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat meta nnutat li l-akkużat għandu rekord kriminali ta’ 13-il paġna u qed ikun akkużat b’att kriminali serju ħafna.

Għalkemm id-Difiża sostniet li Cassar mexa mal-kundizzjonijiet li ngħatawlu mill-Pulizija, il-Qorti ma aċċettatx it-talba għall-ħelsien proviżorju.

L-Avukati Giannella de Marco u Amadeus Cachia qed jidhru bħala parti ċivili għal Deniro Magri, filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi qed jidher bħala parti ċivili għall-Familja ta’ Sylvester Farrugia.