Mhux komuni li wieħed jara kowċ tal-futbol inewwel banana lil wieħed mill-plejers tiegħu. Din ġrat ilbieraħ fil-partita tal-Europa League bejn Manchester United u Rostov, mirbuħa mir-Red Devils bl-iskor ta’ 1-0.
Fit-tieni taqsima Mourinho deher iqaxxar banana u jgħaddiha lis-sostitut Ashley Young, li minn naħa tiegħu għaddieha lid-difensur Marcos Rojo fuq il-pitch. Ma tantx damet f’idejh, għax kielha mal-ewwel!
Wara l-logħba Mourinho ma kienx f’burdata li jiċċajta, u lill-ġurnalisti qalilhom li din ma kinitx ħaġa tad-daħk.
“Ġieli kont għajjien f’ħajtek?”, saqsa l-manager ta’ Manchester United lil wieħed mill-ġurnalisti. “Rojo talab banana f’dak il-ħin tal-partita, u din mhix tad-daħk”.
Mourinho insista li meta l-ġisem ikun għajjien, ikun jeħtieġ l-enerġija. “Irridu nirrispettaw il-limiti tal-plejers għax dawn umani. Qed jagħtu kollox bħalissa”.
Il-partita li jmiss ta’ Manchester United se tkun kontra Middlesbrough fir-Riverside nhar il-Ħadd li ġej. Mourinho se jkollu lil Pogba nieqes minħabba uġiegħ fil-hamstring. Ibrahimovic u Herrera se jkunu sospiżi.
//= $special ?>